Ftit ġimgħat biss wara li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mar iżur il-kċina l-ġdida f’San Vinċenz de Paul fejn seta’ jara b’għajnejh u jmiss b’idejh l-investiment li sar, dalgħodu l-midja Nazzjonalista marret tistaqsi lill-Ministru għall-Familja Michael Falzon jekk il-kċina hix qed taħdem.
Bi kliem ċar il-Ministru Falzon wieġeb li kċina ta’ San Vinċenz qed tipprovdi lill-anzjani f’San Vinċenz ikel ta’ kwalità. Dan wara d-diżastru li kienet tħalliet fiha l-kċina ta’ dan l-isptar fi żmien Gvern Nazzjonalista fejn il-ħaddiema kienu jitqażżu jidħlu fiha. Fil-fatt kellu jkun dan il-Gvern li b’investiment qawwi bena mill-ġdid din il-kċina li llum minnha joħroġ ikel ta’ kwalità għal aktar minn elf u mitejn anzjan f’dan l-isptar. Dan kif seta’ jara b’għajnejh il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu meta mar iżur dan l-isptar fejn fost oħrajn iltaqa’ mal-ħaddiema li jaħdmu f’din il-kċina state of the art.