Kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda ta’ Joseph Bonnici ta’ 38 sena minn Ħal Għaxaq li qiegħed jiġi akkuzat bil-qtil doppju ta’ ommu Marie Lourdes, u oħtu Angele Bonnici.
Xehed is-surġent Kevin Manicolo, li flimkien ma’ uffiċjali oħra, kienu preżenti fil-lejl ta’ tlettin ta’ marzu meta fis-siegħat bikrin tas-Sibt filgħodu, l-akkuzzat ħadhom f’għalqa fejn tefa’ taħt il-ħamrija l-katavri ta’ ommu u oħtu, wara li ammetta r-reat.
Irrakonta b’mod dettaljat kif l-uffiċjali tal-pulizija neħħew il-ħamrija, fil-post indikat mill-akkużat u sabu l-katavri midfuna, li ittieħdu l-kamra mortwarja sabiex isir l-awtopsja.
Bis-surġent Manicalo ħa kampjuni tal-ħamrija sabiex jiġu analizzati.
Irrakonta l-proċess fis-sit tal-Wasteserv meta l-ħaddiema batlu skip fejn sabu mazza kbir, bil-manku tal-ħadid ta’ sitt kilogrammi, li intuzat mill-akkużat. L-arma ttieħdet sabiex isiru testijiet forensiċi.
Fil-Qorti ġew preżentati għoxrin oġġett li nstabu fuq il-vittmi fosthom flus fuq Marie Lourdes.
Il-prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-ispettur Keith Arnaud u Rodrick Attard.
Għall-akkużat qegħdin jidhru l-avukati Marion Camilleri u Franco Debono.