L-aġenzija internazzjonali Fitch ikkonfermat ir-rating tal-Bank of Valletta bħala BBB bi prospetti negattivi.
Fi stqarrija, il-Bank qal li l-aġenzija vvalutat il-prospetti bħala negattivi minħabba ċertu riskji u l-abbiltà inċerta tiegħu li jsaħħaħ il-governanza tar-riskju tiegħu b’mod effettiv u f’waqtu.
Qal li l-aġenzija mistennija tirrevedi l-prospett għal stabbli jekk il-bank jagħmel progress biex isaħħaħ il-kontrolli tar-riskji tiegħu bla ma jnaqqas il-qligħ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Mario Mallia esprima sodisfazzjon għall-konferma tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-Bank u stqarr li l-programm ta’ trasformazzjoni ta’ sentejn tal-Bank se jindirizza l-punti mqajma minn Fitch fid-deċiżjoni tagħhom dwar il-klassifikazzjoni.
Is-Sur Mallia qal li l-programm ta’ trasformazzjoni tal-bank, li bħalissa għaddej fl-aqwa tiegħu, jindirizza l-governanza tar-riskju u l-ħasil ta’ flus.
Qal li dan il-programm mistennij jħalli effett fuq il-qligħ iżda sostna li l-għan tal-bank jibqa’ dejjem l-istabbilità u s-sostenibbiltà fit-tul tal-istituzzjoni, għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti u tal-pajjiż.