Fost il-fazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia hemm rabja kbira għax il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil qed tkompli timbarazzah. F’ċerti każi intenzjonalment u f’oħrajn riżultat ta’ mossi estremi bħall-attakk riċenti fuq il-ġudikatura. Il-gazzetta KULLĦADD irrapportat kif dan qed ikompli jżid il-firda fil-Partit Nazzjonalista fejn ilKap jista’ jgħid li mhux kuntent bl-istrateġija ta’ nies bħal Jason Azzopardi u Karol Aquilina, iżda fl-istess ħin m’għandu ebda saħħa jew tal-inqas rieda jaġixxi kontra tagħhom. Iktar minn hekk dawn mhux biss qed jimbarazzawh mal-pubbliku b’mod ġenerali iżda wkoll ma’ partitarji Nazzjonalisti li sforz il-messaġġi mħallta spiċċaw jikkritikaw lill-uffiċjali tal-istess partit. Fost oħrajn dan seħħ fil-każ tan-nomina ta’ Helena Dalli għall-Kummissarju Ewropew. Ilbieraħ filgħodu spikkaw it-telefonati fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista minħabba l-pożizzjoni li ħa l-partit fuq Helena Dalli.
Filwaqt li l-Kap qal li se jkun qed jappoġġja lil Helena Dalli għall-Kummissarju Ewropew, oħrajn ħarġu jattakkawha u dan wassal biex partitarji Nazzjonalisti jirrabjaw għall-wirja tajba li għamlet Dalli tant li fil-programm ta’ qabel kien intervistat Delia tgħidx kemm kien hemm min għajjar l-Unjoni Ewropea, lir-rappreżentanti tal-PN u lil Helena Dalli nnifisha. Saħansitra l-preżentatur innifsu kellu jwaqqaf ċerti telefonati.
Il-gazzetta qalet kif lil Adrian Delia qed jagħmluhielu diffiċli nies bħal David Casa u Karol Aquilina li injorawh għalkollox u baqgħu jattakkaw lil Helena Dalli bir-riżultat li qasmu wkoll il-ħsieb tal-partitarji Nazzjonalisti. Iżda, hemm każi oħra li dejqu t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għax ikomplu jimminaw il-kredibbiltà tal-istess partit. Ftit tal-ħin wara, il-Kap Nazzjonalista evita għalkollox milli jitkellem fuq ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ppubblikat nhar il-Ġimgħa. Dan anke jekk is-soltu rapport ta’ dan il-Kummissarju tgħidx kemm jingħata importanza minn xi ħadd bħal Adrian Delia li wara kollox issuġġerixxa hu lill-persuna f’din il-kariga.
Din id-darba l-Kummissarju George Hyzler innota kemm kienu bla bażi l-akkużi li żdiedu s-salarji tal-ministri u s-segretarji parlamentari. Akkużi li għamilhom Jason Azzopardi. Adrian Delia ma kellu xejn xi jgħid dwar dan ir-rapport ta’ 19-il paġna. Rapport li dwaru l-Partit Laburista qal li għandu jaġixxi Adrian Delia għax inkella se tkompli titnaqqar il-kredibbiltà tiegħu