Helena Dalli mistennija tikseb żewġ terzi tal-voti meħtieġa biex tiġi eletta bħala l-ewwel kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza u b’hekk issir l-ewwel mara Maltija li qatt serviet bħala Kummissarju Ewropew nominat minn pajjiżna.
Rapporti f’diversi midja lokali u internazzjonali kkonfermaw li Dalli kisbet l-appoġġ ta’ ħames gruppi ewlenin waqt laqgħa li saret bejn il-kordinaturi tal-gruppi politiċi li matulha vvalutaw il-prestazzjoni tal-Kummissarju nnominat Helena Dalli. Huma mistennija jgħaddu din il-valutazzjoni lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew.
Minbarra li kisbet l-appoġġ tal-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, Dalli jidher li kisbet ukoll l-appoġġ tal-Partit Popolari Ewropew, tal-Liberali, tal-Ħodor u tal-komunisti.
Ingħad li l-PPE qajjem xi mistoqsijiet iżda vvota favur in-nomina ta’ Helena Dalli.
Dan kien ikkonfermat minn kelliema tal-PPE li fuq twitter qalet li Dalli kisbet żewġ terzi tal-voti meħtieġa biex tokkupa din il-kariga.
Id-deċiżjoni finali dwar in-nomina ta’ Helena Dalli għadd trid tistenna ftit tas-sigħat oħra biex tkun ikkonfermata b’mod uffiċjali.
Intant fi tweet, il-Prim Ministru Joseph feraħ lil Dr Dalli għal dak li sejjaħ bħala kontenut eċċellenti li tat waqt is-smigħ quddiem il-Parlamentari Ewropej. Qal li Malta hija kburija li se jkollha l-ewwel Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza.