Il-PM jinnota li f’sitt snin, persentaġġ tal-PDG irdoppja minn €70 miljun għal €140 miljun – One News

Notifiki

Il-PM jinnota li f’sitt snin, persentaġġ tal-PDG irdoppja minn €70 miljun għal €140 miljun

Meta indirizza l-Konferenza Nazzjonali dwar l-Industrija tal-Kostruzzjoni u s-Suq tal-Proprjetà, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar is-sostenibbiltà fis-settur.

Qal li kull min hu involut fil-qasam tal-kostruzzjoni jħoss jekk investiment ikunx se jrendi jew le u hawnhekk semma dawk li sejjaħ bħala “firewalls” – l-istint tan-negozju, il-banek – li ma jiffinanzjawx proġett li ma jkunux konvinti dwaru, u l-politika tal-Gvern.

Il-Prim Ministru nnota li l-qasam tal-proprjetà qed jikber għax qed tikber l-ekonomija, u l-ekonomija qed tikber għax jikbru setturi oħra li joħolqu domanda għall-proprjetà.

Meta tkellem dwar ir-rapport tal-KPMG li ġie ppreżentat waqt l-istess konferenza – li jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni fis-suq – il-Prim Ministru qal li dan ir-rapport iwieġeb ħafna mistoqsijiet, fejn fost l-oħrajn innota ż-żieda artifiċjali f’ċerti proprjetajiet, li kienu qed jinbiegħu ferm iżjed minn kemm jiswew.

Qal li dan huwa suq fejn il-Gvern irid iżomm ir-riedni, bħalma għamel dan is-sajf meta waqqaf l-iżvilupp għal numru ta’ ġimgħat għax kien hemm ma kienx qed jimxi b’ċertu “irġulija”.

Jiem biss ‘il bogħod mill-budget għall-2020, meta jinsabu fl-aqwa tagħhom it-tħejjijiet, Dr. Muscat innota li filwaqt li fl-2013, 1% tal-Prodott Domestiku Gross tal-ekonomija kien €70 miljun, illum irroppja u huwa €140 miljun.

Filwaqt li appella biex kull min hu involut fis-settur jaqra r-rapport, il-Prim Ministru saħaq fuq il-bżonn biex kulħadd jaħdem flimkien f’wieħed mill-aktar setturi importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna, li jimpjega xejn inqas minn 43,000 persuna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *