ARA: Anki l-‘pimps’ qed jgħidu tagħhom dwar it-traffikar tal-bnedmin – One News

Notifiki

ARA: Anki l-‘pimps’ qed jgħidu tagħhom dwar it-traffikar tal-bnedmin

Meta t-Tlieta filgħaxija fuq dan l-istazzjon kienet diskussa l-prostituzzjoni, il-gentleman’s clubs u t-traffikar uman fuq il-programm ġdid Stat ta’ Fatt, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-riformi Julia Farrugia Portelli qalet li waqt il-konsultazzjoni pubblika li għaddejja sal-aħħar ta’ dan ix-xahar dwar riformi f’dawn l-kwistjonijiet, saħansitra anki min iġib in-nisa biex jagħmlu l-pjaċiri resqu ‘l quddiem. 

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli stqarret “Il-pimp li jrid ikun jaf fejn se naslu. Jekk aħna mhux se naslu? Jekk aħna hux se nagħlqu l-massage parlors?. Jekk pereżempju l-argument illi lit-tfajliet tiegħu jindukrahom u jindukrahom tant tajjeb illi anki jekk sejra tixtri jrid imur magħha ħalli żgur ħadd ma jagħmillha xejn.”

Waqt il-programm ġew diskussi ideat favur u kontra r-regolarizzazzjoni tal-prostituzzjoni li f’pajjiżna mhiex illegali iżda huwa t-tlajjar u l-briedel li huma kontra l-liġi.

Bl-ideat ta’ bost għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tan-nisa huma magħrufa, is-Segretarju Parlamentari aċċennat li l-konsultazzjoni xorta m’għandiex għammad u tistenna ideat differenti minn kwalunkwe persuna.

Fost l-oħrajn, il-Gvern qed jistenna wkoll ħsibijiet il-Knisja dwar dan.

 “Kurżità l-Knisja bagħtitlek il-pożizzjoni uffiċjali tagħha dwar il-prostituzzjoni?”

“S’issa għadna le pero l-konsultazzjoni hija miftuħa sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, sal-31 ta’ Ottubru u jiena nistenna wkoll li kif ġara u seħħ f’riformi oħra l-Knisja tagħti l-input tagħha f’dan ir-rigward”, tenniet tgħid is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli.

Is-Segretarju Parlamentari qalet ukoll li mindu tnediet il-konsultazzjoni saru anki rapporti ta’ irregolaritajiet fejn l-awtoritajiet ħadu azzjoni.

Bir-riforma proposta, pajjiżna mistenni jkollu strateġija kontra t-traffikar tal-bnedmin hekk kif din ir-riforma pjanata għandha l-għan li toffri ħarsien lill-persuni vulnerabbli minn diversi forom ta’ sfruttament.

Meta kienet tnediet din ir-riforma għall-konsultazzjoni aktar kmieni x-xahar li għadda kien intqal li t-tlajjar marbut mal-prostituzzjoni mhux mistenni jibqa’ reat kriminali u għalhekk persuna li tagħmel dan l-att flok tmur il-ħabs se tibda tingħata l-għajnuna neċċessarja biex issib xogħol dinjituż.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend