Studju riċenti min-Nazzjonijiet Magħquda żvela realtà inkwetanti li sebgħa u disgħin fil-mija tan-nies ma jindunawx b’attentat ta’ “phishing attack”. Attakk fuq l-internet li l-għan tiegħu hu li jieħu l-flus ta’ nies jew kumpaniji.
Numru li fi kliem l-Ispettur Sergio Pisani huwa allarmanti ħafna, u għaldaqstant spjega li l-Pulizija Maltija għaddejja b’kampanja t’għarfien ma’ ħaddiema f’diversi kumpaniji, skejjel, djar tal-anzjani u kwalunkwe tip ta’ organizzazzjoni li tista’ tispiċċa vittma ta’ dawn l-attakki onlajn.
“L-attakk qed isir via e-mail fejn inti persuni jew kumpaniji jirċievu e-mails fejn jiġu mġiegħla jaħsbu li kienu qed jistennewhom jew li għandhom bżonnhom bħal xi avviż allegatament mill-Bank fejn jitolbok taġġorna d-dettalji tiegħek, jew li irbaħt il-lotterija, jew xi offerta ta’ ritorn tajjeb fuq flusek.”
Statistiċi juru li persuna għandha tmienja u għoxrin fil-mija ċans kuljum li tispiċċa vittma ta’ attakk online, anki fid-dawl li jintbagħtu nofs miljun email ta’ dan it-tip kuljum.
F’dan ix-xenarju, l-Ispettur Pisani sostna li jekk isiru xi tranżazzjonijiet, importanti li l-bank jiġi avżat immedjatament, kif ukoll isir rapport lill-Pulizija biex jibdew mill-ewwel bl-investigazzjonijiet.
“Kull evidenza jiġifieri dawk li huma e-mails, tranżazzjonijiet, għandhom jinżammu. Jekk qed ngħidu e-mails, importanti li mhux printout minħabba l-fatt li l-Pulizija jkollha bżonn dawk li nsejħu bħala headers. Huma dettalji tekniċi li qegħdin inkorporati fis-software fejn inti once li tikkomunika mas-Cyber Crime Unit, ngħidulek eżatt x’għandek tagħmel.”
Huwa previst li sas-sena elfejn u wieħed u għoxrin, l-organizzazzjonijiet kriminali madwar id-dinja se jkunu għamlu qligħ ta’ sitt triljun dollaru permezz ta’ dawn l-attakki, u għaldaqstant huwa kruċjali li kulħadd joqgħod attent li ma jispiċċax vittma.
“Jekk hi xi ħaġa li int m’applikajtx għaliha, ħadd mhu ħa jtik xi ħaġa b’xejn, imma iktar importanti xi ħaġa sempliċi ħafna li wieħed jista’ jiċċekkja huwa l-email minn fejn tirċevih, jiġifieri jekk qed tistenna li tirċeviha mill-Bank, mhux dak l-isem li jidher fuq quddiem imma l-email address proprju. L-email address proprju għandu URL tal-Bank? Il-biċċa l-kbira jkollhom URL differenti ħafna u faċli wieħed jinduna li huwa phishing attack.”
L-Ispettur Pisani temm jappella biex meta bniedem jiġi fid-dubju, jirrikorri għad-Dipartiment tas-Cyber Crime tal-Pulizija għal aktar assistenza.