Il-Jum Dinji tat-Turiżmu kkommemorat f’Għawdex

Il-Ġnus Magħquda ddedikat il-ġurnata tas-27 ta’ Settembru biex tfakkar il-Jum Dinji tat-Turiżmu fejn it-tema magħżula għal din is-sena kienet: ‘Tourism and Jobs: a better future for all’.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li hekk kif għadu kif intemm is-sajf, li għal Għawdex hu l-qofol tal-istaġun turistiku, ma tistax ma tirringrazzjax lil kull min hu b’xi mod jiew ieħor involut f’din l-industrija hekk sinifikanti għal pajjiżna.

Waqt serata mtellgħa apposta biex tfakkar din il-ġurnata ukoll fil-preżenza tal-membri tal-korp diplomatiku, il-Ministru Caruana fakkret kif matul il-perjodu turistiku, il-kumpanija Gozo Channel ġarret mal-1,900,000 passiġier bejn il-gżejjer. Hi rrimarkat li l-industrija turistika tiġġenera mal-50% tal-Prodott Gross Domestiku fil-gżira Għawdxija u tħaddem mat-30% tal-persuni li huma mpjegati fis-settur privat apparti faċilitajiet u servizzi anċillari. Il-Ministru Caruana qalet li f’Għawdex għaddejja ħidma fuq diversi binarji biex l-isfida tal-istaġjonalità tinbidel f’opportunità, u dan bid-diversi attivitajiet kulturali li qed jorganizza l-ministeru kif ukoll fi proġetti ambizzjużi u sostennibli li qed iwettaq partikolarment dawk infrastrutturali u titjib fil-konnettività. Saħqet kif issa minn numri rridu niffukaw fuq il-kwalità u l-eċċellenza, u permezz tas-serata fil-Villa Rundle organizzata mill- Ministeru għal Għawdex, riedet li jgħaddi dan il-messaġġ.

Is-Sur Joe Muscat, CEO tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, qal li għalkemm in-numri fis-settur turistiku huma sbieħ, irridu nenfasizzaw fuq il-kawlità tat-turist biex nassiguraw li l-karatterisitċi li joffri Għawdex – it-trankwillità, is-serenità, l-aspett u l-wirt kuturali u l-ambjent rurali mill-isbaħ jiġu preservati u jkomplu jiġu mgawdija.

Il-Ministru Caruana flimkien mat-tmexxija tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turizmu żaru żewġ stabbilimenti turistiċi f’Għawdex, Amchara u Casa Gemelli. It-tmexxija ta’ Amchara qalet li riedet tesploara kunċett innovattiv f’Ghawdex, dak tas-saħħa u benessere li qed jolqot klijentela ta’ kwalità għolja. Casa Gemelli hi boutique hotel fil-qalba tar-Rabat immexxija minn familja ta’ imprendituri Għawdxin li qed jagħtu esperjenza awtentika tal-karattru Għawdxi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend