L-Ajruport Internazzjonali ta Malta kiseb it-tieni l-ogħla unur f’World Routes Awards għall-2019, fejn klassifika fit-tieni post f’kategorija ta’ ajruporti li jospitaw bejn 4 u 20 miljun passiġġier kull sena.
Ir-rebbieħa ta’ dawn il-premji prestiġjużi, li huma maħsubin sabiex jirrikonoxxu l-eċċellenza u l-innovazzjoni fl-iżvilupp tar-rotot, tħabbru aktar kmieni din il-ġimgħa fiċ-Ċentru tal-Konvenzjonijiet fAdelaide fl-Awstralja, li kien ippakkjat b’ rappreżentanti mill-industrija tal-avjazzjoni minn madwar id-dinja.
“Huwa ta’ unur għalina li l-kisbiet tagħna fir-rigward tal-iżvilupp tar-rotot ġew rikonoxxuti fuq il-palk dinji. Dan ir-rikonoxximent jinkoraġġina nkomplu naħdmu mill-qrib mal-Gvern u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-linji tal-ajru sħab tagħna u l-bqija tat-tim tal-ajruport sabiex inkomplu nwessgħu n-netwerk tal-gżejjer Maltin, filwaqt li niżguraw li t-tkabbir sostenibbli jibqa’ fil-qalba ta’ kif inkejlu s-suċċess tagħna”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta s-Sur Alan Borg.
“Nixtieq nirringrazzja lit-tim tal-Ajruport Internazzjonali ta‟ Malta talli qed jaqsam magħna viżjoni li għandha fil-qalba tagħha l-iżvilupp tas-swieq strateġiċi u l-indirizzar talistaġjonalità; żewġ oqsma prijoritarji tal-istrateġija tagħna għall-iżvilupp tat-traffiku, li fihom għamilna progress sostanzjali u li ġie nnutat ukoll minn Routes World,” qal iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia.
Sforzi kontinwi sabiex jiġu attirati turisti tul is-sena kollha lejn Malta, anki permezz ta’ konnessjonijiet imtejbin, huma parti integrali mill-istrateġija tal-iżvilupp tat-traffiku għallgżira. L-iskeda għax-xitwa 2019-2020 tal-Ajruport ta Malta hija prova tas-suċċess ta’ din l-istrateġija.
Fil-fatt, fl-istaġun li ġej 17-il rotta ser ikunu qed jiġu estiżi mis-sajf għax-xitwa u ser jitnedew ukoll erba‟ rotot ġodda f‟Ottubru u Novembru. Din l-iskeda konvenjenti hija maħsuba li tinkoraġġixxi lil għadd akbar ta turisti sabiex jiskopru l-ġżira fix-xitwa, f’konformità ma’ ħidma ma taqta xejn sabiex Malta tiġi promossa bħala destinazzjoni ideali tul is-sena kollha.
Barra minn hekk, sabiex ikun aktar ambjentalment sostenibbli, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta dalwaqt ser ikun qed jirrevedi l-programm tiegħu ta’ inċentivi għal-linji tal-ajru sabiex jinkludi inizjattiva ġdida li hija mmirata li tinkoraġġixxi lil linji tal-ajru joperaw titjiriet lejn Malta b’ajruplani bmagni li jagħmlu anqas ħsejjes u li huma aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
L-ajruport rebbieħ fil-kategorija ta’ bejn 4 u 20 miljun passiġġier fil-World Routes Awards għall-2019 kien Budapest Airport, li rebaħ ukoll it-titlu Overall Winner. Parteċipanti oħrajn li rebħu premji tul is-serata kienu l-ajruport ta Changi f’Singapor u l-ajruport ta’ Schiphol
f‟Amsterdam.