Rappreżentant ta’ 20 għaqda soċjali jgħid li Delia ma jafx x’inhu jgħid dwar ir-riforma fil-liġi tal-kera – One News

Rappreżentant ta’ 20 għaqda soċjali jgħid li Delia ma jafx x’inhu jgħid dwar ir-riforma fil-liġi tal-kera

Meta kien qed jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi dwar il-kirjiet residenzjali f’laqgħa tal-kumitat permanenti għall-kunsiderazzjoni ta’ abbozzi ta’ liġijiet ġiet emendata klawsola f’din il-liġi li se tara l-Awtorità tad-Djar tkun ir-regolatur u tinforza li jsiru l-kuntratti tal-kirjiet. 

Bil-liġi, mill-bidu tas-sena d-dieħla, dawk is-sidien li ma jkollhomx kuntratt legali, il-kirja ssir b’kuntratt għal sena u b’75% tal-kera skont is-suq.

Għal dawn il-klawsoli l-Gvern ivvota favur filwaqt li l-Oppożizzjoni astejniet.

Fil-laqgħa kien hemm anki l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li sabha diffiċli jġerraħ il-fatt li se tkun l-Awtorità tad-Djar li teżamina u tgħarbel l-kuntratti tal-kirjiet.

Skont Delia, għandha tkun il-Qorti li tagħmel dan, bil-konsulent legali dwar din il-liġi jiġbed l-attenzjoni li l-Awtorità se tkun hemm biex tirregola.

Għall-argumenti ta’ Delia wieġeb Andrè Callus mill-Moviment Graffitti li ġab fix-xejn l-argument tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Callus sostna “U jekk telludu ruħkom li l-inkwilin ħa jmur il-Qorti, ħa jieħu s-sid il-Qorti, insewha, ma tafux x’inthom tgħidu f’dan il-każ.

Waqt il-laqgħa s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes saħaq kif din il-liġi se tagħti vuċi lil vulnerabbli.

Galdes stqarr: “Però għall-ewwel darba qed nagħtu drittijiet ‘ilmin sal-lum ma kellux leħen. Lil min sal-lum, sal-lum iċempillu s-sid, jgħidlu jekk inti għada ma żżidnix il-kera b’50% itlaqli ‘l barra fi żmien ġimgħa għax inkaxkrek minn hemm. Dawn l-affarijiet li għandna allura rridu naraw li b’din il-liġi nolqtuhom. Issa jew qegħdin magħna jew inkella m’intomx magħna”.

Fil-laqgħa spikka wkoll l-mument meta d-Deputat Laburista Glenn Bedingfield staqsa b’mod ċar fejn jingħad li l-Gvern se jaħtaf il-proprjetajiet tan-nies kif qed jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Għal bidu Delia baqa’ b’fommu mitbuq u nbela’ fejn imbagħad prova jaħrab milli jagħti spjega għad-domanda li saritlu.

Bedingfield stqarr li “Nieħu gost li qiegħed forsi trid tgħidilna mil-liema klawsola toħroġ illi dan il-Gvern irid b’xi mod jaħtaf il-proprjetajiet tan-nies. Tista’ tgħidli liema klawsola qed tirreferi għaliha. Naħseb li qed inkun ċar u naħseb li qed tifhimni biżżejjed”.

Delia wieġeb:“Bil-pjaċir kollu ngħidlek wara li naslu b’mod strutturat illi niflu din il-liġi”.

Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li qal b’mod ċar il-ġimgħa l-oħra. Meta sostna li jaħtaf  f“”Li jaħtaf il-proprjetà tan-nies u jagħmel biha li jrid”.

In-naħa tal-Gvern reġgħet spjegat li mhux il-każ li se jinħatfu l-proprjetajiet iżda se jkun hemm regolar dwar il-kuntratti tal-kirjiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend