Aġenti tal-IIP li ftaħru b’kuntatti ma’ politiċi tal-gvern meta kienu qed jinnegozjaw ma’ dak li suppost kien klijent tal-IIP kienu sospiżi mill-programm b’effett immedjat.
Dawn il-kummenti saru waqt li ġurnalist ta’ stazzjon Franċiż kien qiegħed jippoża ta’ suppost rappreżentant ta’ klijenti Afrikani. Miegħu r-rappreżentanti tad-ditta legali Chetcuti Cauchi Advisors ftaħru b’kemm jafu nies fil-politika biex jagħtu l-impressjoni li setgħu jġibuha żewġ għall-klijenti tiegħu.
Il-Gvern ċaħad b’mod assolut u kategoriku d-dikjrazzjoni ta’ dawn ir-rappreżentati li jista’ jkun hemm min jagħlaq għajnejh fil-proċess ta’ applikazzjoni ta’ ċittadinanza b’investiment.
Fi stqarrija intqal ukoll li din id-ditta kellha 19% tal-applikazzjonijiet tal-klijenti tagħha rrifjutati. Dan kontra l-impressjoni li pprovaw jagħtu lil dak li ħasbu klijent.
Iktar minn hekk issa twaqqfu wkoll l-applikazzjonijiet pendenti li kellha din id-ditta filwaqt li se ssir reviżjoni ta’ applikazzjoni li diġà kellhom.
Il-Gvern fakkar fil-proċess ta’ due diligence li għandu l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment Malti. Fil-fatt, il-programm Malti għandu erba’ livelli ta’ verifika.
Intant, fil-produzzjoni r-rappreżentanti tad-ditta legali semmew lill-Ministru Owen Bonnici bħala li kien jaħdem magħhom. Xi ħaġa li ċaħad u mhux minnha.
Semmew lis-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia bħala ħabiba tal-mara ta’ waħda mis-sieħba. Dan meta kien 32 sena ilu meta s-Segretarju Parlamentari u din il-mara kienu jużaw l-istess trasport għall-iskola primarja.
Persuna oħra ftaħar li kien jaf lill-Prim Ministru. Fejn għal darb’oħra r-relazzjoni kienet tmur lura għal żmien l-iskola meta kienu jużaw l-istess trasport.
Intant, il-produzzjoni tal-programm kienet talbet intervista lill-Gvern li tatilhom is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia. Iżda, wiċċ imbwiċċ ma staqsewha xejn dwar dawn l-allegazzjonijiet.
Id-dokumentarju pprova jissuġġerixxi wkoll kondotta mhux xierqa mill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona minħabba laqgħat mal-imprenditur lokali Luke Chetcuti. F’dan il-kuntest id-dokumentarju semma l-konċessjoni tal-bajja ta’ San Ġorg u l-Ministeru għat-Turiżmu.
Iżda, il-gvern iċċara li fir-rwol tiegħu bħala Ministru għall-Ekonomija l-Ministru Cardona jiltaqa’ regolarment ma’ nies li huma investituri u msieħba importanti għall-ekonomija.
Fl-istess ħin fakkar li mhux minnu li huwa l-Ministeru għat-Turiżmu li jagħti l-konċessjonijiet għall-bajjiet kif intqal fid-dokumentarju. Iktar minn hekk il-konċessjoni għall-bajja ta’ San Ġorg diġa’ ngħatat fi żmien Gvern nazzjonalista. B’hekk kien hemm ċaħdiet kategoriċi ta’ allegazzjonijiet li saru.
Fuq kollox il-gvern qal li jilqa’ l-fatt li dawn l-allegazzjonijiet jistgħu jkunu investigati mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler.