Illum tnieda l-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2019, bil-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Dr Edward Zammit Lewis jiddeskrivih bħala rikonoxximent tal-employers u l-ħaddiema fiċ-ċentru tas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna.
Din is-sena se jkun hemm 8 kategoriji li se jippremjaw:
- Il-Ħaddiem Mudell tas-Sena
- It-Tim tas-Sena
- Il-Maniġer tas-Sena
- L-Employer tas-Sena
- L-iktar kumpanija li tippromwovi l-ugwaljanza
- L-iktar kumpanija li tippromwovi l-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol
- L-iktar kumpanija li tippromwovi r-responsabbiltà soċjali
- Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2018
Il-Ministru Zammit Lewis fisser kif b’dan il-premju qed nirrikonoxxu l-ħaddiema li jħaddnu l-valuri u l-etika tax-xogħol li jiddistgwuna bħala poplu ħawtiel, u lill-employers li jirrispettaw id-dinjità tal-impjegati tagħhom, iħaddnu l-ugwaljanza u r-responsabbiltà soċjali, u li huma l-protagonisti fil-ħolqien tal-ġid.
Fuq kollox, Dr Zammit Lewis qal li din l-attività annwali hija ċelebrazzjoni tas-suċċess li qed ngħixu flimkien f’pajjiż li jippremja l-bżulija, iħaddan id-diversità u determinat li jikseb ugwaljanza għal kulħadd u f’kull aspett.
In-nominazzjonijiet għal premijiet rispettivi jintlaqgħu mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza sal-25 t’Ottubru 2019, u jistgħu jinkisbu min-nhar it-Tnejn li ġej mill-Ministeru, mill-Kunsilli Lokali, jew permezz tal-paġna tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena fuq Facebook.
Ir-rebbieħa jitħabbru fis-serata finali, nhar l-4 ta’ Diċembru.