Il-budget li ser nippreżentaw hu parti mill-manifest tal-Gvern , mil-lista ta’ proposti preżentati qabel l-elezzjoni tal-2017, li jiġu implimentati fuq erba’ jew ħames budgets.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt laqgħa mal-GRTU li fiha ġew preżentati numru ta’ proposti lill-Gvern.
Madankollu, il-Prim Ministru tenna li l-Gvern xorta jibqa’ miftuħ għall-proposti. Dawn il-proposti, mhux biss tal-GRTU iżda tal-istakeholders kollha, jistgħu jiġu kkunsidrati għax qed tikber l-ekonomija. Dan il-Gvern fassal il-politika tiegħu fuq żewġ prijoritajiet; l-ewwel waħda li l-ekonomija tikber u n-negozji jitħallew jaħdmu, u t-tieni prijorità, li l-ġid li jinħoloq jitqassam għal min għandu l-aktar bżonn.
Il-Prim Ministru spjega li l-fatt li jkollna surplus mhux deficit, ifisser li ma jkollniex interessi fuq id-dejn, liema interessi jridu jitħallsu mnn żieda fit-taxxi.
Il-fatt li serjin tajjeb ma jfissirx ukoll li rridu nonfqu aktar milli għandna għax kieku nagħmlu hekk is-surplus jispicca, temm jgħid il-Prim Ministru.
Is-Sur Paul Abela, f’isem il-GRTU, apprezza l-isforz tal-Gvern biex il-pajjiż jibqa’ jiġġenera surplus u qal li jixtieq li s-surplus jasal aktar għand persuni li għandhom negozju. Il-GRTU proponiet li titnaqqas l-income tax għal 20% għan-nengozji medji, liema proposta kienet ikkunsidrata riskjuża mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, li kien preżenti għal-laqgħa, minħabba r-reġim kompetitiv tat-taxxa li għandu pajjiżna.
Il-GRTU proponiet ukoll li titnaqqas it-taxxa biex negozju jiġi trasferit mill-ġenituri għal fuq it-tfal kif ukoll li negozji tal-familji li huma regolati mill-Att dwar in-Negozju tal-Familji, li kien introdott għall-ewwel darba f’pajjiżna minn dan il-Gvern, jaqgħu taħt il-one-stop shop hub ‘Business First’. Il-President tal-GRTU spjega ekoll li għandu jkun hemm inċentivi fuq pensjonijiet għas-self-employed.
Fl-aħħar nett, il-GRTU uriet it-tħassib tagħha għall-kompetizzjoni inġusta minn Sqallija, u proponiet li l-apparat modern ta’ scanning li jintuża mid-Dwana jibda jintuża ukoll għall-merkanzija li tkun ġejja minn Sqallija. Dwar dan il-punt, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li r-regoli Ewropej ma jippermettux lil Malta biex tagħmel kontrolli estensivi fil-fruntiera. Huwa rrikonoxxa l-inkompetizzjoni inġusta li qed jgħaddu minnha n-negozji ż-żgħar minħabba kuntrabandu li jista’ jidħol fis-suq minn Sqallija.
Għal din il-laqgħa kien hemm jakkumpanjaw lill-Prim Ministru: id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, iċ-Chief of StaffKeith Schembri u s-Sur Louis Grech.