Illejla l-uffiċċju tal-Prim Ministru ħabbar li nħatret inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar lill-Imħallef Emeritu Michael Mallia magħurf għall-integrità tiegħu, biex jippresedi Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika indipendenti dwar l-omiċidju ta’ Caruana Galizia.
Il-Kummissjoni li se tirregola lilha nnifsiha se tkun magħmula wkoll mill-ex Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u espert Kostituzzjonali l-Professur Ian Refalo u l-espert forensiku Dottor Anthony Abela Medici.
L-inkjesta titlob lill-Kummissjoni tiddetermina fost oħrajn jekk xi entità tal-istat kinitx taf jew kellhiex tkun taf b’riskju reali u immedjat mill-għemil kriminali ta’ xi terza persuna fil-ħajja ta’ Caruana Galizia fiż-żmien inkwistjoni u jekk naqsitx milli tieħu miżuri fi ħdan il-firxa tas-setgħat tagħha li b’ġudizzju raġjonevoli kien mistenni minnha li tieħu biex tevita dak ir-riskju.
L-inkjesta titlob ukoll biex tistabbilixxi jekk l-istat kellux u għandux fis-seħħ dispożizzjonijiet ta’ liġi kriminali effettivi u mezzi oħra prattiċi biex jevita li jiżviluppa de facto stat ta’ impunità bl-okkorrenza spissa ta’ atti kriminali li ma jiġux solvuti u biex ikun hemm deterrent għat-twettiq ta’ reati kriminali serji.
Titlob ukoll biex jiġi ddeterimnat jekk l-istat wettaqx u jekk huwiex qiegħed iwettaq l-obbligu pożittiv li jieħu miżuri ta’ prevenzjoni biex jipproteġi lil dawk l-individwi li ħajjithom tkun fir-risku ta’ att kriminali u dan b’mod partikolari fil-każ tal-ġurnalisti.
Il-kummissjoni ntalbet ukoll li titmexxa b’mod li ma timpedix u ma tikkompromettix xi investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali jew l-integrità tagħha, li ssir fil-pubbliku iżda l-kummissjoni tista’ tikkunsidra li tmexxi seduti fil-magħluq, li l-inkjesta jkollha aċċess għall-informazzjoni kollha miżmuma minn entitajiet tal-istat.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Minsitru qal li l-Gvern ħa din id-deċiżjoni b’konsistenza mal-pożizzjoni ċara li dejjem kellu, jiġifieri li m’hemm l-ebda diffikultà li tinħatar inkjesta pubblika ġaladarba jkun assigurat li din issir b’mod li ma timminax investigazzjonijiet u jew proċeduri kriminali li hemm pendenti dwar dan l-omiċidju.
Fakkar li f’temp ta’ 50 jum mill-omiċidju, tliet persuni tressqu l-Qorti akkużati bl-omiċidju ta’ Caruana Galizia u issa ġew formalment impoġġija taħt att ta’ akkuża.
Fid-dawl tar-Rizoluzzjoni approvata mill-Parlamanet u mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Gvern qal li daħal f’diskussjonijiet tekniċi ma’ uffiċjali tal-Kunsill tal-Ewropa biex jiġi evitat li din l-inkjesta pubblika tipperikola l-integrità tal-investigazzjonijiet u jew proċeduri kriminali li diġà jinsabu għaddejjin f’dan il-każ.
Il-Gvern sostna li kellu u għad għandu, riservi kbar dwar il-metodoloġija użata u l-konklużjonijiet milħuqa fir-riżoluzzjoni msemmija tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, iżda sostna li għandu l-ikbar rispett lejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-ħidma magħmula fl-aħħar ġimgħat hija turija ċara tar-rispett reċiproku li hemm bejn pajjiżna u din l-istituzzjoni importanti.
Il-Prim Ministru talab li din l-Inkjesta Pubblika tiġi konkluża fi żmien disa’ xhur u tigi ppubblikata fuq gwida tal-istess Kummissjoni.