Il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, wera biċ-ċar li mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma tafx fejn int.
Wara li l-Partit Nazzjonalista wiegħdu fil-manifest għall-aħħar elezzjoni ġenerali u ftit tax-xhur ilu vvota favurih fil-Parlament, Adrian Delia issa ħareġ jgħid li għad trid tittieħed deċiżjoni aħħarija.
Ix-xettiċiżmu ta’ Delia dwar dan il-proġett importanti għall-Għawdxin kompla joħroġ, il-Ħamis filgħaxija meta indirizza lill-partitarji nazzjonalisti fid-Dar Ċentrali.
Mistoqsi x’jagħmel kieku jkun hu prim ministru biex ikompli bi tkabbir ekonomiku, Delia naqas milli jsemmi proposta waħda u pprova jagħti l-impressjoni li s-settur turistiku ta’ pajjiżna sejjer lura. Saħansitra pprova jmeri s-sewwa magħruf met qal li l-lukandiera qed jibżgħu jinvestu f’dan il-qasam. Dan meta rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji riċenti kklasifika lil Malta l-ewwel fid-dinja fil-prijorita tal-Gvern fl-industrija tat-turizmu u fil-fiduċja li għandhom il-lukandiera biex jinvestu fi proġetti ġodda.
Kritika wkoll il-qasam tas-saħħa u implika li f’pajjizna huwa bi ħlas. Dan meta kull Malti jingħata servizz bla ħlas fl-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa ta’ pajjiżna.
Huwa kkritika wkoll l-investiment li qiegħed isir minn Steward Healthcare fl-isptar ta’ Għawdex u fil-bini tal-iskola medika ta’ Barts fejn diġà nfetaħ iċ-ċentru tal-anatomija.
Attakka wkoll il-proġett tal-enerġija li fisser kontijiet orħos u arja aktar nadifa għall-familji.
Mistoqsi speċifikament x’jagħmel dwar l-estensjoni taż-żona tal-iżvilupp li saru fi żmien Gvern Nazzjonalista fejn iddaħħlu bosta artijiet fil-proċess ta’ razzjonalizzajoni, Delia mhux biss ma weġibx x’jagħmel iżda qalilna li għandna ninsew x’ġara!
Huwa reġa’ attakka wkoll lill-ħaddiema barranin u waħħal f’Saviour Balzan li mhux jifhmu.
Fl-istess nifs kkontradixxa dak li ilu jtenni dwar il-popolazzjoni u qal li jaqbel li din tiżdied.
Matul din il-ġimgħa Adrian Delia għalaq sentejn Kap Nazzjonalista. U minkejja l-ġlied intern li hemm fi ħdan il-Partit, Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jbiddel id-dinja.
Qal li se jagħmel l-Partit Nazzjonalista bħala partit tan-negozjanti.
Meta mistoqsi dwar il-bidliet li suppost wettaq fl-aħħar sentejn mindu ħa tmur tal-Partit, Adrian Delia tilifha u għal tlett darbiet sejjaħ lil Saviour Balzan Laburist, Laburist Laburist.
Ftit xhur il bogħod mill-ikbar telfa elettorali li qatt ġarrab il-Partit Nazzjonalsita, Adrian Delia qal li hemm mewġa li qiegħda tikber u riesqa lejn il-Partit Nazzjonalista.