Raġel li allegatament ta daqqiet ta’ sikkina lil kuġinuh anzjan f’argument li nqala’ fuq kwistjonijiet ta’ kiri, baqa’ jinżamm arrestat wara li fil-Qorti wieġeb mhux ħati.
Raymond Debono, ta’ tmienja u ħamsin sena mill-Ggħargħur tressaq il-Qorti akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ kuġinuh li għandu erbgħa u sebgħin sena, u li wkoll jgħix il-Għargħur, waqt argument l-Erbgħa filgħaxija.
Fil-Qorti ngħad li allegatament, l-akkużat ta erba’ daqqiet ta’ sikkina lil kuġinuh, bil-konsegwenza li l-vittma sofra ġrieħi f’idejh ix-xellugija u fl-istonku, tant li spiċċa jiġġieled għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u argumentat li r-raġel ġie provokat, u fil-passat għamel diversi rapporti lill-Pulizija fuq kuġinuh.
Iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li dak li ġara jumejn ilu ma kienx normali.
Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest, u talbet li l-akkużat jibqa’ jinżamm arrestat sakemm jixhed il-vittma.