Madwar 5,000 siġra indiġena u arbuxell se jitħawlu madwar il-lokalità ta’ San Ġwann.
Dan tħabbar il-Ħamis filgħodu mill-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera u s-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech fi żjara li għamlu fiż-żona magħrufa bħala Bellavista. Żona li tħalliet mitluqa minn kunsill preċedenti fejn kien hemm numru ta’ siġar mejta. Malli ħa t-tmexxija f’Ġunju li għadda, il-Kunsill ġdid, b’għajnuna tal-aġenzija Ambjent Malta, beda jirranġa din iż-żona.
Is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech qal li l-kunsill huwa impenjat li jsebbaħ il-lokalità, li minnha jgħaddi influss kbir ta’ karozzi. Huwa ta ħajr lill-awtoritajiet tal-kollaborazzjoni li qegħdin isibu mingħandhom:
“Bdejna min din il-parti. Sar xogħol ta’ tindif u Ambjent Malta bdiet bil-proċess biex jibda t-tħawwil ta’ siġar”. Il-maġġoranza tas-siġar se jitħawlu f’Wied Għomor, bil-Ministru Herrera jgħid li jrid li dan il-Wied li huwa pulmun ewlieni għar-residenti fiż-żona, jidħol fid-dominju pubbliku:
“Se nħawwel ukoll siġar u arbuxell f’Wied Għomor. Dan il-Wied huwa l-pulmun għal din iż-żona li fiha popolazzjoni kbira. U jien anki kont proponejt li Wied Għomor jidħol fid-dominju pubbliku”.
Il-Ministru Josè Herrera ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jsir proċess ta’ ristrutturar f’Ambjent Malta. Dan sabiex ikollha saħħa daqs entitajiet oħra u tkun tista’ twettaq investiment akbar fi proġetti biex issebbaħ il-pajjiż tagħna.