Dun Deo Debono mistenni jitressaq il-qorti u jiġi mixli b’allegat involviment ta’ serq ta’ oġġetti sagri li l-valur tagħhom ilaħħaq il-€100,000.
Rapporti fil-midja qalu li Dun Debono, saċerdot fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt ammetta l-involviment tiegħu fis-serqa mal-pulizija.
Fi stqarrija, il-Kurja qalet li bi qbil mal-Provinċjal tal-Patrijiet Agostinjani, Patri Leslie Gatt, l-Arċisqof Charles J.Scicluna ddeċieda li Patri Deo Debono, Agostinjan, ma jibqax kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin, il-Belt u ma jeżerċitax il-ministeru saċerdotali fil-pubbliku sakemm jibqgħu pendenti l-investigazzjonijiet tal-pulizija u kwalunkwe proċedura quddiem il-Qrati Ċivili.
Hu mifhum li s-serq seħħ mill-knisja ta’ Santu Wistin xi xhur ilu iżda l-pulizija bdew jinvestigawh wara li ċensier u navetta li nsterqu mill-monasteru tas-sorijiet instabu għall-bejgħ f’ħanut tal-antikitajiet.
Fr Debono ġie arrestat u mistoqsi fit-tul mill-pulizija u bħalissa jinsab barra fuq il-police bail.