Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li kieku dan il-Gvern m’għamilx il-bidla strutturali fil-qasam tal-enerġija, kieku llum il-kabinett qiegħed jiddiskuti biex jgħolli l-kontijiet tad-dawl.
Dan wara li lbieraħ il-prezz internazzjonali taż-żejt spara ‘l fuq b’għaxar dollari l-barmil u f’livelli li konna ilna ma naraw sa mill-gwerra tal-Iraq. Dan wara attakk fuq sit ta’ produttur ewlieni taż-żejt fl-Arabja Dawdija.
Huwa sostna li dan huwa l-valur tar-riforma strutturali li wettaq dan il-Gvern fl-aħħar snin u li għamel minn pajjiżna future proof.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna dan waqt sessjoni ta’ Kabinett man-Nies aktar kmieni llum f’San Venera, li matulha ġew diskussi wkoll miżuri tal-baġit għall-elfejn u għoxrin.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-bagit li gej se jiffokka fuq il-pensjonati, housing u persuni b’dizabilita. B’oqsma li sejrin tajjeb, bhas-servizzi finanzjari u s-settur turistiku, se jagħtu kontribut tagħhom biex il-Gvern ikompli jgħin lil min hu fil-bżonn.