Ġimagħtejn biss wara li l-uragan Dorian ħalla ħerba sħiħa fil-Baħamas, maltempata ġdida qed titqies ta’ theddida għal dawn il-gżejjer fil-Karibew.
Din il-maltempata – imsejħa Humberto – mistennija tikkawża xita u riħ qawwi, u qed tersaq qrib il-gżira ta’ Great Abaco – waħda mill-aktar milquta mill-uragan Dorian.
Uħud mill-gżejjer qed jistennew mal-ħmistax-il ċentimetru ta’ xita, u riħ b’qawwa ta’ ħamsa u erbgħin kilometru fis-siegħa.
Humberto jaf jiġi kklassifikat bħala uragan, għalkemm dan mistenni jseħħ wara li jgħaddi minn fuq il-Baħamas.
Huma aktar minn ħamsin persuna li mietu minħabba l-uragan Dorian. Elf u tliet mitt persuna għadhom ma nstabux filwaqt li minn tal-inqas ħmistax-il elf oħra għandhom bżonn post fejn jistkennu, ikel, u kura medika.