L-MPE Agius Saliba jipproponi miżuri li jipproteġu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin f’każ ta’ sensji – One News

Notifiki

L-MPE Agius Saliba jipproponi miżuri li jipproteġu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin f’każ ta’ sensji

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba waqt il-kumitat tax-xogħol u l-affarijiet soċjali, EMPL, propona biex isiru bidliet fir-regolamenti attwali Ewropej li jassistu lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin f’każ ta’ sensji.

Preżentament, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jipprovdi l-assistenza finanzjarja lil persuni li jkunu tilfu xogħlhom minħabba bidliet strutturali kbar tal-globaliżazzjoni.

Meta kumpanija kbira tagħlaq, inkella tieħu l-produzzjoni tagħha f’pajjiż barra mill-Unjoni Ewropea jew ikun hemm kriżi ekonomika u finanzjarja mondjali, l-Unjoni Ewropa tattiva dan il-fond biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu tkeċċew.

Il- Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa mekkaniżmu Ewropew ta’ solidarjetà li jintuża meta jkun hemm bżonn. Il-fond jiffinanzja proġetti differenti li jgħinu lill-ħaddiema sabiex isibu post tax-xogħol ġdid jew inkella jiftħu n-negozju tagħhom. Sfortunatament, ir-regoli preżenti qed jimponu żvantaġġ fuq kumpaniji żgħar u fuq pajjiżi żgħar bħal Malta.”, sostna l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba.

Agius Saliba qal li minħabba d-daqs tal-kumpaniji Maltin u Għawdxin, dawn qatt ma jista’ jkunu eleġibli biex jibbenefikaw mir-regolamenti Ewropej attwali.

Ir-reviżjoni tal-fond hija opportunità eċċellenti biex titneħħa din il-problema u tkun indirizzata din ir-realtà ta’ stati membri żgħar.

Il-Membru Parlamentari Ewropew saħaq li sensja ta’ 500 persuna fi stat membru kbir għandha tkun trattata l-istess bħal sensja ta’ 50 persuna fi stat membru żgħir.

F’każ li dan jiġri, l-impatt fuq ix-xogħol u l-ekonomija ta’ pajjiżna jkun wieħed negattiv ferm u b’hekk ikun hemm bżonn li jibbenefikaw minn dan il-fond.

Dr Alex Agius Saliba ressaq ‘il quddiem l-emendi tiegħu sabiex tkun indirizzata din l-inġustizza ħalli kumpaniji minn pajjiżi żgħar ikunu eleġibli ukoll.

Agius Saliba se jkun qiegħed jiddiskuti mal-Kummissjoni Ewropea sabiex dan il-fond ikun aktar aċċessibli biex jindirizza sfidi ġodda.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend