ARA: Forti Sant’Anġlu se jfakkar tradizzjoni antika – One News

Notifiki

ARA: Forti Sant’Anġlu se jfakkar tradizzjoni antika

“Għaddejna minn ħafna flimkien għal 180 sena u aħna grati ħafna ta’ dak li għamiltu magħna u talli lqajtuna. Eluf minnkom urejtu l-appoġġ leali u ħdimtu magħna. Ċert li l-membri tas-servizz Ingliż iqisu ż-żmien f’Malta bħala memorja sabiħa ħafna. Awguri Malta”.

Dawn huma  tal-aħħar ammirall Ingliż, Sir Nigel Cecil, messaġġ li għadda l-Maltin fi tmiem trasmissjoni ta’ radju għall-militar Ingliż li waqaf ixandar minn Malta 40 sena ilu. 

B’rabta mal-40 anniversarju li din is-sena Malta ċċelebrat mill-Ħelsien u l-għeluq mill-bażi Ingliż, nhar il-Ħadd li ġej il-Forti Sant’Anġlu se jkun miftuħ b’wirja storika interessanti.

Fost l-oħrajn se jkun hemm għall-wiri l-bandiera tal-istess Ammirall li smajna jgħaddi messaġġ lill-poplu Malti.

Din il-bandiera kienet l-aħħar waħda li ħalla l-Ammirall f’Sant’Anġlu, fejn l-Ingliżi baqgħu jżommu gwarniġjon sal-aħħar ta’ Marzu tal-1979.

Intant bħala tradizzjoni, l-Ingliżi kienu jagħtu permess lil Maltin biex jidħlu darba f’sena ġewwa l-Forti Sant’Anġlu.

Dan kienu jagħmluh f’jum il-Vitorja, forti li żamm sod quddiem il-qawwa Ottomana, fis-sajf imdemmi tal-1565, kif spjegalna l-kuratur prinċipali tal-fortifikazzjonijiet taħt ir-responsabilità ta’ Heritage Malta.

Il-Kuratur Prinċipali tal-Fortifikazzjonijiet qal li “Din hija tradizzjoni li tmur lura għal 1887 meta saret għall-ewwel darba li l-pubbliku tħalla jidħol Sant’Anġlu biex jikkommemora Jum il-Vitorja u bħala Heritage Malta wara li fetaħ il-post, wara r-restawr intensiv li sar, erġajna qajjimna din it-tradizzjoni, fil-fatt din is-sena hija r-raba’ edizzjoni u nista’ ngħid li hija waħda mill-aħjar li ħa jkollna s’issa għaliex anke hemm programm varjat mal-ġurnata kollha. Il-forti se tkun miftuħa bejn id-9 ta’ filgħodu 6 ta’ filgħaxija.”

Matthew Balzan spjegalna kif apparti l-esebizzjoni dwar il-flotta rjali, il-pubbliku inġenerali jista’ jdur madwar il-forti kollu, inkluż il-kwartier li l-Ordni Sovranna ta’ San Ġwann għadha topera minnu.

Fost l-oħrajn jistgħu jaraw il-Kappella ta’ Sant’Anna u l-bitħa tal-Palazz Maġisterjali.

Apparti hekk hemm l-uniku arblu tal-flotta rjali li ġie rrestawrat u ttella’ fuq il-forti minn fejn kważi ħames sekli ilu, il-Gran Mastru De Vallette kien jagħti l-ordnijiet tiegħu waqt l-Assedju kontra t-Torok.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex f’Jum il-Vitorja jasal wasla sal-Birgu u jżur il-Forti Sant’Anġlu, mhux biss biex anki jkollu veduta sabiħa tal-port li kif inhu mistenni jkun mimli bid-dgħajjes tar-regatta iżda anki biex japprezza l-istorja ħajja ta’ dan il-forti b’entratura ta’ prezz ferm ridott.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend