F’diskors li għamel f’konferenza politika f’Madeira fuq stedina tal-Partit Soċjalista mmexxi mill-Prim Ministru Antonio Costa flimkien mal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej, Farrugia qal li l-battalja politika mal-populisti m’għandiex tkun fuq il-valuri iżda fuq ir-riżultati. Hu qal li l-populisti għandhom il-faċilità li joffru soluzzjonijiet foqra għal sfidi kumplessi iżda li jafu jbiegħawhom b’mod strateġiku. Dan qed ipoġġi lill-partiti progressivi f’kantuniera għax qed isibuha diffiċli jagħtu narrattiva rebbieħa speċjalment bil-populisti li jsibu skuża għal kull skoss fis-soċjetà, kemm jekk tkun waħda soċjali, ekonomika, territorjali u morali.
Farrugia żied jgħid li l-aħħar snin urewna kif il-populisti huma professjonali biex jerbħu l-qlub u allura l-elezzjonijiet iżda qed isibuha diffiċli ħafna biex jigvernaw u jġibu r-riżultati. Dan rajnieh f’numru ta’ pajjiżi fejn il-populisti ma rnexxilhomx iservu leġislatura sħieħa. Is-soluzzjonijiet mgħaġġlin u foqra li bihom ġew eletti huma riċetta ta’ falliment. Hu hawn li l-progressivi iridu jieħdu l-battalja, fuq ir-riżultati. Farrugia qal li fid-dawl tal-elezzjoni ġenerali f’Madeira u ftit wara fil-Portugal, jeħtieġ li l-Partit Soċjalista jerġa’ jerbaħ biex tkompli il-mewġa ta’ partiti progressivi fit-tmexxija, bl-Izvezja u l-Finlandja jkunu l-aħħar pajjiżi li jeqilbu ħomor. Fl-Italja wkoll, bid diffikultajiet kollha li hemm, jidher li se jkun hemm Gvern taċ-Ċentru xellug fil-jiem li ġejjin.
Intant fid-diskorsi tagħhom, żewġ Ministri tal-Gvern Portugiż, Nelson de Souza u Pedro Marques faħħru is-suċċess li Malta kisbet fit-tħaddim tal-fondi Ewropej u dan fi gżira mdawwra bil-baħar, b’insularità doppja, u ekonomija esposta għal dak li jseħħ fix-xena internazzjonali. Iż-żewġ kelliema qalu li Malta hi mudell ukoll għall-gżira awtonoma ta’ Madeira u wrew il-ħsieb li jirreplikaw is-suċċess li Malta kisbet.
Fid-diskors tiegħu Aaron Farrugia tkellem dwar kif il-politika ta’ koelizzjoni Ewropea tista’ tkompli tibdel il-ħajja tan-nies u tgħin lin-negozji jikbru u jimirħu jekk inżommu l-istess livell ta’ investiment, nifhmu li kull reġjun għandu l-isfidi partikolari tiegħu u l-ħtieġa li bħala politiċi nitħallew nużaw din l-għodda ekonomika u ta’ solidarjetà b’mod flessibbli. Hu qasam il-ħsibijiet tiegħu dwar kif il-politika ta’ koelizzjoni tista’ tieħu forma differenti biex tgħina nsaħħu l-Ewropa Soċjali li lkoll naħdmu għaliha kuljum
Għal din il-konferenza li rat il-parteċipazzjoni tal-membri tal-Gvern Portugiż u l-Prim Ministru Costa, iż-żewġ kelliema ewlenin kienu s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia u Nicolas Schmidt li riċentament ġie nnominat bħala il-Kummissarju Ewropew tal-Lussenburgu u dan wara karriera twila f’pożizzjonijiet fil-Gvern u fil-Parlament Ewropew.