Minn ċkunithom sa xjuħithom flimkien – One News

Notifiki

Minn ċkunithom sa xjuħithom flimkien

Kienet għadha kemm għalqet disa’ snin  meta saret ħbieb ma’ dak li kellu jkun ir-raġel futur tagħha u żżewġitu fid-9 t’Awwissu ta’ 50 sena ilu. 

Din hija Rita Grech li żżewġet lil John, it-tnejn minn Birżebbuġa.

Il-koppja għadha kemm iċċelebrat il-ħamsin anniversarju miż-żwieġ tagħha.

Minn ċkunithom kienu joqogħdu tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn xulxin.

Iż-żmien għadda, kibru u d-deċiżjoni naturali tagħhom kienet li jiżżewġu.

Ma kienx hemm proponiment għaż-żwieġ, iżda t-tnejn ħassew li għandhom jagħmlu dan il-pass. Minkejja li John li huwa tliet snin ikbar minn Rita mar jgħix l-Ingilterra.

Hu qalilna: “Jien kont ilni nafha lil Rita kien għad kellha disa’ snin, jien kelli 12. Meta kelli 19 imbgħad bqajna noħorġu dejjem bil-moħbi ta’ ommha u ta’ missierha. Ta’ 19-il sena kont mort l-Ingilterra, sena wara ġejt, ħadna l-engage, erġajt tlajt l-Ingilterra u sena wara inżilna u żżewġġina”.

Huma u jħarsu lejn xulxin, b’għajnejhom jżebbġu bl-imħabba għal xulxin, Rita qaltilna kif il-preparamenti għat-tieġ tal-lum huma ferm aktar differenti minn dak li kien fl-imgħoddi.

“Aħna dak iż-żmien ma konniex daqshekk involved, aktar il-ġenituri kienu jlestulna l-affarijiet. Infatti sa ġurnata qabel konna morna ngħumu, jiġifieri bla ħsibijiet ta’ xejn. Konna nsibu kollox ippreparat għalina”.

Wara ż-żwieġ John u Rita marru jgħixu l-Ingilterra, fejn hemm kellhom l-ewwel wild u 17-il sena wara kellhom it-tieni wild.

Huma wkoll nanniet ta’ tfajla li jħobbuha bla qies.

Fil-bidu tas-snin sebgħin il-koppja Grech reġgħu niżlu Malta fuq kundizzjoni waħda.

“L-unika kundizzjoni li tajtha qabel ma nżilna mill-Ingilterra kienet illi mmorru noqogħdu Birżebbuġa biss, ġo Birżebbuġa biss, qalilna John.

Immexxu l-arloġġ għal-lum il-ġurnata, meta l-koppja Grech iħarsu lura lejn il-ħames diċenji li qattgħu bħala koppja miżżewġa, iż-żmien rawh itir bħal żiffa.

Rita temmet tgħid “Day by day u lanqas tkun taf kif għaddew ħamsin sena, għax meta toqgħod taħseb, ħamsin sena huma għomor ta’ bniedem u għaddew ukoll. Min ikollu jgħidlek li jien ta’ disa’ snin, hu ta’ 12-il sena li se nagħmlu dan iż-żmien kollu flimkien. Trabbejna flimkien, kbirna flimkien u issa xjaħna flimkien ukoll”.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend