Nirien ta’ tliet karozzi f’San Ġwann deher li seta’ kien wieħed aċċidentali bħal ħafna li jiġru.
Sakemm kumment tad-deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi, qanqal numru ta’ mistoqsijiet. In-nirien seħħ fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa u l-pulizija bdiet investigazzjoni mill-ewwel.
Jirriżulta li fost it-tliet karozzi li ħadu n-nar fi Triq il-Qalbiena kien hemm waħda ta’ ċertu Charles Mangion, iż-Żubina, alleat kbir ta’ Simon Busuttil u l-klikka tiegħu. Bniedem li fl-imgħoddi tressaq il-Qorti u nstab ħati ta’ akkużi mill-iktar serji.
Ftit sigħat mhux ħażin wara li sar magħruf li l-karozza taż-Żubina kienet involuta f’dawn in-nirien, Jason Azzopardi ħalla kumment fuq facebook fejn qal liż-Żubina.
“Solidarjetà miegħek Charlie Mangion. Żomm sod. Il-verità nsibuha.”
Dan il-kumment nissel mistoqsijiet kbar b’nies mill-PN li għamlu kuntatt ma’ One News qalu li l-kumment ta’ Azzopardi jista’ jfisser ħafna affarijiet.
Dan anke għax fl-eqqel tal-kunflitti li kien hemm fil-PN fl-aħħar ġimgħat, iż-Żubina dejjem kien quddiem id-Dar Ċentrali biex jara li ta’ Simon Busuttil ma jiġrilhom xejn.
L-istess nies issa qed ixerrduha wkoll kif meta riċentament kien hemm argument quddiem id-Dar Ċentrali ma’ ġurnalista tal-RTK, l-għada kien hemm nirien ukoll barra dan il-bini.
Għalkemm kollox jista’ jkun li kollox kien aċċidentali, il-kumment ta’ Jason Azzopardi qajjem mistoqsijiet kbar, inkluż fl-istamperija.