App biex studenti jgħallmu studenti oħra – One News

Notifiki

App biex studenti jgħallmu studenti oħra

Student li kien qed jistudja l-Matematika f’livell avvanzat iddeċieda li l-mod kif kien se jirnexxielu jgħaddi mis-suġġett kien li jistudja bl-għajnuna ta’ ħabib tiegħu li kien għadu kif għadda mill-eżami.

Il-mod differenti ta’ kif studja ispira lilu u lill-ħabib tiegħu, li kien għallmu, biex jiżviluppaw app fuq il-mobile bl-isem ta’ LearnD.

Iltqajna ma’ Jake Xuereb u Luke Collins li spjegawlna l-mod kif jaħdem il-proġett tagħhom.

Ħloqna din l-app li sservi ta’ bridge bejn l-istudenti li jafu l-informazzjoni u l-istudenti li għandhom bżonn jitgħallmu dawn l-affarijiet fejn student tas-sixth form jew tal-o level jista’ jfittex għal studenti tal-Università b’mod effiċjenti per eżempju kemm jixtieq li t-tutor joqgħod ‘il bogħod minnu, kemm jixtieq iħallas fis-siegħa. Per eżempju jekk xi ħadd jagħmel l-alevel tal-maths u jixtieq isir inġinier jgħinu xi ħadd li diġa qed jagħmel engineering l-università.” Spjega Xuereb.

 Iż-żewġ studenti fissru kif permezz tal-app, wieħed ikun jista’ jgawdi minn mod differenti ta’ tagħlim, ibbażat fuq l-esperjenza u l-prattika iktar milli t-teorija. Ikun hemm ukoll attenzjoni iżjed individwali mill-privat tradizzjonali.

LearnD tista’ tintuża minn studenti tas-sekondarja sa’ dawk li jinsabu fl-università, b’dawk interessati li jxerrdu t-tagħlim tagħhom ikunu jridu jgħaddu minn proċess ta’ verifika.

L-app mhix limitata biss għal suġġetti akkademiċi, iżda tinkludi wkoll suġġetti vokazzjonali jew ħiliet tal-ħajja, bħal tiswija ta’ ħwejjeġ u l-mużika.

Għalkemm l-app ilha biss tliet ġimgħat li bdiet taħdem, hemm interess qawwi fiha. Jake qalilna iżda li jixtieq li l-app li ħoloq flimkien ma’ sieħbu ssir ċentru ta’ skambju ta’ tagħlim.

Li nixtiequ hu li kull min hu passjonat fuq suġġett u li jaf ħafna fuq suġġett għandu post fejn in-nies jistgħu isibuh biex jgħinuh fuq is-suġġett.” Kompla Xuereb.

Fl-istess waqt, l-app tgħin lil studenti universitarji li jgħallmu permezz tal-app biex jaqilgħu lira jagħmlu xi ħaġa li hija relatata ma’ dak li studjaw minflok xogħol li m’għandux x’jaqsam.

Student tal-università, xi ħaġa bħall-app hija opportunità għalih għax jista’ jagħmel ammont ta’ flus, pocket money u qed jikkontribwixxi lejn is-soċjetà.” Ikkonkluda Collins.

B’għajnuna minn fond tal-innovazzjoni fl-Università, l-istudenti ddiżinjaw l-app huma stess, filwaqt li d-diżinn tagħha ġie fdat f’kumpanija minn Għawdex.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend