Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jaħdem fuq abbozz ta’ liġi li għandu l-għan li jġib fis-seħħ direttiva tal-Unjoni Ewropea li tagħti ikar drittijiet lill-awturi fis-suq diġitali.
Issa li lesta dan l-abbozz il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jlaqqa’ l-awturi Maltin u jpoġġi għall-vot dan l-abbozz.
Mark Camilleri qal ma’ One News li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jagħmel diversi proposti.
Fosthom li jiddaħħal l-obbligu għall-pubblikaturi li jidħlu f’kuntratt mal-awtur. Xi ħaġa li sal-lum għada mhix obbligatorja u li waslet biex kien hemm każi fejn awtur ma rċieva ebda sehem mill-profitt tal-ktieb.
Enfasizza wkoll il-bżonn ta’ ħlas minimu lill-awtur li jkun ta’ għaxra fil-mija mill-profitt li jagħmel il-pubblikatur, kif ukoll ħlas fuq id-dritt tas-self pubbliku.
Tkellem ukoll dwar drittijiet ekonomiċi li kittieb għandu jgawdi minnhom.
“M’għandekx il-bejgħ tal-kotba biss, fejn għandek il-minimu 10%. Għandek il-public lending rights, it-translation, l-adaptation għat-teatru adaption għal film u qed nipprovaw li nimmassimizzaw id-dħul tal-kittieba minn dawn id-drittijiet anċillari wkoll”.
Il-kungress tal-kittieba, li se jiltaqa’ x-xahar id-dieħel, għandu l-għan li jagħti indikazzjoni ċara lill-gvern ta’ x’jixtiequ l-awturi.
“Malli l-istakeholders, il-kittieba speċjalment jaqblu ma’ xi prinċipji bażiċi, il-gvern ikollu direzzjoni ċara ta’ kif u fejn jista’ u għandu jagħmel it-transpożizzjoni ta’ din id-direttiva”.
Iċ-Chairman tal-kunsilll nazzjonali tal-ktieb temm jgħid li l-għan huwa wieħed ċar.
“L-abbozz prattikament ħa jassigura ċertu ammont ta’ dħul bażiku lill-kittieba li hu bżonjuż biex fl-aħħar mill-aħħar il-kittieba jibqgħu jiktbu”.