Raġel ta’ 29 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-qorti akkużat li ffastidja u abbuża lill-ġenituri tiegħu sabiex ituh il-flus għad-droga.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Simone Grech, ħareġ kif missieru ta’ 75 sena u ommu ta 74 sena kienu qed ituh madwar ħamest elef ewro kull xahar sabiex jissostanzja l-vizzju tad-droga.
Il-ġuvni ġie akkużat li wettaq vjolenza domestika fuq il-ġenituri tiegħu u li beżżagħhom b’mod kontinwu.
L-Avukat tal-għajnuna legali talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezjonat għaliex saħqet li kważi kuljum kien qed ikun hemm rapport fl-għassa ta’ Ħaż Żabbar, li r-raġel hu bla xogħol u li għandu vizzju tad-droga.
Iżda għal dan l-avukat difensur, Christopher Chirchop qal li l-akkużat huwa vittma tal-vizzju tad-droga u għalhekk għandu jingħata l-ħelsien sabiex jibda programm ta’ rijabilitazzjoni.
Waqt is-seduta l-akkużat staqsa jekk jistax jagħti l-verżjoni tiegħu ta’ kif ġraw l-affarijiet.
Huwa stqarr li kienu l-ġenituri tiegħu li kienu qed jabbużawh u tenna li ommu lesta taċċettah lura d-dar jekk jagħmel il-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga.
Dan wara li stqarr li hu adotattat u allega li ġieli kien abbużat sesswalment.
Il-Maġistrat Simone Grech qalet li qed tiċħad il-ħelsien mill-arrest għax l-akkużat jgħix fl-istess residenza mal-ġenituri tiegħu, filwaqt li rrikomandat lid-Direttur tal-ħabs sabiex jara li l-akkużat jingħata l-għajnuna meħtieġa biex jegħleb il-vizzju tad-droga.