Miet Pawlu Mizzi li kellu 89 sena li huwa magħruf l-aktar bħala missier il-ktieb Malti. Huwa trabba’ r-Rabat Għawdex.
Pawlu Mizzi jibqa’ mfakkar l-aktar għat-twaqqif tal-kumpanija ‘Klabb Kotba Maltin’ li llum hija magħrufa bħala ‘Midsea Publications’. Din il-kumpanija kienet l-ewwel kumpanija li bdiet tippubblika kotba bil-Malti u għalhekk Pawlu Mizzi huwa deskritt bħala missier il-ktieb Malti. Matul iż-żmien il-kumpanija ppubblikat diversi xogħlijiet ta’ bosta kittieba, fosthom: Oliver Friggieri, Ġużè Aquilina u oħrajn.
Mizzi ppublika wkoll xogħlijiet tiegħu bħalma huma serje ta’ leġendi dwar Malta u Għawdex, Studju kulturali tal-epoka 1432-1689, fost l-oħrajn.
Mizzi ngħata r-rikonoxximent ta’ ġieħ ir-Repubblika, fl-1992, filwaqt li fl-1994 ġie maħtur bħala l-Kavallier tas-Sacra Ordina Militare Costantiniana de San Jorge.
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Pawlu Mizzi, filwaqt li fakkar s-sehem importanti li ta għall-iżvilupp tal-letteratura Maltija.
“Pawlu Mizzi jibqa’ magħruf ukoll għal kemm emmen f’awturi Maltin biex saħansitra għen ħafna jaslu għall-ewwel pubblikazzjonijiet tagħhom. M’hemmx dubju li t-telfa ta’ Mizzi hija telfa għall-ktieb Malti”, kompliet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.