Fl-età ta’ għoxrin sena sab postu ma’ Sliema Wanderers, it-tim tal-futbol li sa minn ċkunitu kien joħlom li jilgħab bil-flokk tiegħu.
Qed nitkellmu dwar Alex Muscat, li fl-età ta’ ħames snin beda jitħarreġ ma’ Slimiż, u għajr għal żewġ staġuni, f’ħajtu dejjem libes l-istess flokk.
Ftit tal-jiem ilu ħabbar li kellu jirtira mil-logħba minħabba injury serja f’irkoptu.
Malli ħabbar id-deċiżjoni li kien se jirtira mill-football, waslulu barax ta’ messaġġi.
Fi sfond ta’ wħud mit-tazzi li rebaħ it-tim Slimiż, staqsejna lil Muscat xi jfisser għalih dan it-tim.
Qal li kienet diffiċli biex isib postu mal-ewwel tim, minħabba l-kwalità ta’ plejers li kien hemm.
Fost il-mumenti indimentikabbli għal Muscat hemm l-ewwel staġun tiegħu ma’ Sliema Wanderers, meta rebħu l-kampjonat.
Kien hemm ukoll is-sena elfejn u disgħa, meta fil-finali tal-FA Trophy kontra l-Belt skurja żewġ gowls, b’Sliema jirbħu t-tazza.
Biex tliet xhur wara, gowl uniku tiegħu għamel id-differenza bejn it-tim Slimiż u Hibernians fir-rebħ tas-Super Cup.
Id-difensur stqarr li unur ieħor li se jibqa jġorr miegħu kien meta refa t-trofew tal-FA Trophy bħala captain fl-elfejn u sittax.
Muscat lagħab ukoll għal Malta, fejn affronta timijiet kbar, fosthom il-Ġermanja, l-Italja u l-Ingilterra.
U issa li rtira mil-logħba tal-ballun, Muscat qalilna li mhux se jisparixxi minn din il-logħba li tant ħabb.