Il-Proġett ta’ Vjal Santa Luċija u Ħal Tarxien ser jara t-tħawwil ta’ 757 siġra ġdida filwaqt li ser jerġgħu jinżergħu 245 siġra fiż-żoni ta’ bejn Raħal Ġdid, Santa Luċija, Għaxaq, Tarxien, Marsa, Żejtun, Marsaskala, Ħal Luqa u Ħaż-Żabbar. Dan ifisser li meta dan il-proġett jiġi fit-tmiemu din iż-żona ser tara madwar 300 siġra ġdida.
Dan jikkumpensa għal 293 siġra li ser jinqalgħu mill-għeruq bħala parti mill-pjan għal proġett ta’ toroq li jiddevja t-traffiku bejn Triq Tal-Barrani u Vjal Santa Luċija, permezz ta’ mini taħt l-art
Barra minn hekk, 1,257 siġra ser jiġu mħawla fil-Magħtab, Għadira s-Safra u fil-Park tal-Majjistral.
L-Olea europaea, Ficus microcarpa u Morus alba għandhom jinżammu mid-detentur tal-permess għal perjodu ta’ tliet snin mit-tħawwil. L-evidenza ta’ dawn għandha tintbagħat lill-ERA fi żmien xahar mit-tħawwil.
Jekk xi waħda minn dawn is-siġar tmut f’dan il-perjodu, id-detentur tal-permess għandu jissostitwixxi s-siġar fl-ewwel staġun tat-tħawwil, b’siġar tal-istess speċi. Id-detentur tal-permess għandu jispezzjona s-siġra regolarment biex jagħti l-kura meħtieġa u jimmonitorja l-irkupru tas-siġar.
It-tħawwil kumpensatorju għandu jitwettaq fl-ewwel staġun tat-tħawwil wara l-ħruġ tal-permess u l-evidenza tat-tħawwil għandha tiġi sottomessa fi żmien xahar mit-tħawwil. Is-siġar għandhom jinżammu mid-detentur tal-permess għal perjodu ta’ tliet snin mit-tħawwil. F’dan il-każ ukoll, jekk xi waħda mis-siġar kumpensatorji tmut fil-perjodu speċifikat, id-detentur tal-permess huwa marbut li jissostitwixxi s-siġar fl-ewwel staġun tat-tħawwil b’siġar tal-istess speċi u daqs.