Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika juru fl-ewwel nofs tas-sena kompla jonqos sew l-ammont ta’ nies li kienu jmantnu lilhom infushom bil-benefiċċji soċjali.
Fil-fatt fl-ewwel sitt xhur tas-sena, il-persuni bir-relief naqsu b’ħames mija u għoxrin meta mqabbel mal-istess xhur is-sena l-oħra u b’aktar minn 870 meta mqabbel mal-2017.
Tnaqqis notevoli ieħor ġie rreġistrat fil-persuni li jieħdu l-benefiċċju tal-qgħad. Imqabbel mal-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet, in-nies qiegħda li kellhom bżonn dan il-benefiċċju waqgħu għall-ewwel darba taħt l-elf ruħ wara tnaqqis ta’ 264 oħra meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Miċ-ċifri joħroġ ukoll li l-għadd ta’ single parents naqas bi kważi mitejn u sittin oħra meta mqabbel mal-ewwel sitt xhur is-sena l-oħra u b’aktar minn erba’ mija u tmenin meta mqabbel mal-2017.
Min-naħa l-oħra komplew jiżdiedu n-nies li qed igawdu minn benefiċċji ġodda li jinċentivaw ix-xogħol bħal dak tat-tapering tal-qgħad u tal-inwork benefit tant li fl-ewwel sitt xhur telgħu għal aktar minn sitt elef u ħames mija bin-nefqa żdiedet għal aktar minn ħames miljun u erba’ mitt elf ewro.
L-NSO żied jinnota wkoll li fl-ewwel nofs tas-sena n-nefqa tal-gvern fuq il-pensjonjiet żdiedet b’aktar minn tlettax-il miljun ewro. Fil-fatt in-nefqa fuq il-pensjoni minima kienet ta’ kważi sitta u għoxrin miljun ewro waqt li n-nefqa fuq il-pensjonijiet tar-romol kienet ta’ aktar minn ħamsa u sittin miljun ewro.
B’reazzjoni għal dawn iċ-ċifri, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal ma’ one news li din turi l-impenn soċjali ta’ dan il-Gvern.