F’laqgħa li saret f’Dar l-Emigrant, il-Belt Valletta, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ltaqa’ mal-missjunarji Maltin li jinsabu f’pajjiżna.
Fil-laqgħa attendew bosta saċerdoti, djoċesani, reliġjużi u lajċi li tkellmu fuq il-faqar, in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ edukazzjoni, u n-nuqqas ta’ faċilitajiet sanitarji u mediċi fil-pajjiżi tat-tielet dinja.
Il-missjunarji qasmu l-esperjenzi u l-isfidi li ltaqgħu magħhom fil-pajjiżi tat-tielet dinja fosthom il-Pakistan, il-Brażil, il-Filippini, il-Kenja, il-Georgia u l-Perù.
L-Isqof irringrazzja lill-missjunarji Maltin tax-xogħol tagħhom li ħafna drabi jibqa’mistur. Qal ukoll li l-kontribut tagħhom jixhed il-ġid tal-Knisja fil-ħajja tan-nies f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna.