Jiltaqgħu l-imsieħba soċjali bi tħejjija għall-baġit li jmiss – One News

Jiltaqgħu l-imsieħba soċjali bi tħejjija għall-baġit li jmiss

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis fisser kif djalogu soċjali b’saħħtu huwa s-sinsla tal-paċi industrijali li tirrenja f’pajjiżna u l-progress ekonomiku u soċjali li ksibna fl-aħħar snin.

Progress bi skop biex it-tkabbir ekonomiku bla preċedent jissarraf f’saħħa aħjar għal kulħadd, edukazzjoni tajba għall-istudenti tagħna u titjib fil-ħarsien soċjali biex ħadd ma jaqa’ lura.

F’dan il-kuntest, Dr Zammit Lewis tenna l-impenn tiegħu biex jibqa’ qrib is-sħab soċjali li huma l-partijiet ewlenin tal-Kunsill Mallti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, waqt li ħeġġeġ diskussjoni ħajja u informali anke lil hinn minn dan l-istess Kunsill.

B’rabta mat-tema tal-laqgħa bi tħejjija għall-baġit li jmiss, il-Ministru Zammit Lewis sostna li l-preżenza tal-Ministru Edward Scicluna hija xhieda oħra ta’ Gvern li jisma’ biex il-pjan finanzjarju tal-Gvern jirrifletti l-aspirazzjonijiet tas-sħab soċjali.

F’dan ir-rigward, Dr Zammit Lewis appella lill-membri tal-MCESD biex dejjem iħarsu lil hinn mill-industriji rispettivi tagħhom biex b’hekk insostnu d-dixxiplina finanzjarja u l-bilanċ ekonomiku u soċjali. Liema bilanċ isaħħaħ l-istabbiltà ekonomika li tattira aktar investiment u aktar xogħol lejn pajjiżna.

Dan kollu b’konsistenza mal-ħtieġa ta’ forum b’saħħtu li permezz tiegħu rridu nkomplu nixprunaw ekonomija sostenibbli li tieħu ħsieb is-saffi kollha tas-soċjetà tagħna, temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis.

Waqt il-preżentazzjoni, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna semma kif it-tkabbir ekonomiku ħa jibqa’ wieħed b’saħħtu iżda ser jimmodera.

B’rabta mal-produttività, mill-2013 lil hawn din ħadet spinta enormi. Ras għal ras, il-ħaddiema qegħdin jipproduċu aktar.

Malta għandha l-aktar Labour Tax Wedge (piż tat-taxxa fuq il-ħaddiem) baxx fl-Unjoni Ewropea. Dan huwa grazzi għas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna.

Għall-ewwel darba, fl-2018 ir-rata ta’ Malta b’rabta mal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol qabżet ir-rata medja tal-Unjoni Ewropea.

Id-dejn nieżel u mistenni li jkompli jinżel. Dan ifisser li lil uliedna ser inħallulhom inqas dejn.

Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol mistennija li tkompli tissaħħaħ. Kien dan il-gvern li permezz tal-miżuri li ntroduċa tul is-snin, dawn inkontribwixxew sabiex il-mara toħroġ taħdem.

Sena wara sena, il-baġit kompla jnaqqas il-faqar u għen lill-familji vulnerabbli sabiex joħorġu miċ-ċirku tal-faqar.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li l-baġit Ewropew li jmiss se jinfluwenza l-andament ta’ pajjiżna għaliex nafu li llum il-fondi Ewropej huma parti mis-suċċess ekonomiku li ksibna.

Qal li fix-xhur li ġejjin għandna nagħlqu il-baġit għas-seba’ snin li ġejjin flimkien mas-27 membru stat, u dan se jaffettwa mhux biss il-baġit ta’ pajjiżna li jmiss iżda dawk sussegwenti.

Farrugia qal li l-pajjiż jintlaqat minn dak kollu li jiġri madwaru, bħal tarriffi li qed jidħlu minħabba trade wars li qed naraw bejn kontinent u ieħor, BREXIT, u taxation regime li se jinbidel minn żmien għal żmien. “Dawn huma sfidi globali li żgur se jolqtu mhux biss l-Unjoni Ewropea iżda wkoll lil pajjiżna, u allura l-miżuri tal-baġit se jittieħdu f’dan il-kuntest.”

Farrugia qal li l-pjan tal-imsieħba soċjali huwa wieħed fit-tul, u li dawn għandom f’moħħhom lil Malta tal-2030. “Għandom pjan fejn se naslu u jqabblu dan il-pjan ma’ dak tal-Gvern li jippreżenta baġit wara ieħor. Hemm allura wieħed jelenka ċertu issues li huma fuq quddiem nett tad-diskussjonijiet li kellna fl-aħjar ġimgħat u xhur f’dan il-forum, bħal issues ta’ skart, early school leaving, pollution, workforce ta’ għada u industriji ġodda. Dawn huma temi li se jkunu fuq quddiem nett tal-baġit li se jigi ppreżentat.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend