Stħarriġ li għamel il-Ministeru għat-Turiżmu wera li tmint ijiem qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, l-ex Ministru tal-Artijiet Jason Azzopardi għadda konċessjoni lill-operaturi li permezz tagħha setgħu jifirxu kemm iridu umbrelel u deckchairs fil-bajja tal-Għadira għal ħmistax-il sena sħaħ.Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li sostna li f’dawn l-aħħar ġimagħtejn kellmuh ħafna nies dwar is-sitwazzjoni li hemm bħalissa fil-bajja tal-Għadira li qiegħda tkun miksija bl-umbrellel u s-sunbeds.
Sostna li l-bajjiet huma tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
“Indagajna u skoprejna kif fl-2013, tmint ijiem biss qabel l-elezzjoni, l-ex Ministru Nazzjonalista Jason Azzopardi għadda konċessjoni tal-mistħja lill-operaturi li jistgħu jifirxu kemm iridu umbrellel u deckchairs fuq l-ikbar bajja pubblika tal-pajjiż għal 15-il sena sħaħ”, qal il-Ministru Mizzi.
Sostna li l-bajja hija tal-pubbliku u l-familji għandhom dritt imorru l-baħar mingħajr ma jidħlu fi spejjeż żejda.
Il-Ministru sostna li hu kommess li jagħmel minn kollox biex jerġa’ jagħmel il-bajja tal-Għadira, bajja li fiha l-familji Maltin ikunu jistgħu jmorru jgħumu mingħajr ma jkunu imġiegħla jidħlu fi spejjeż żejda.