“F’dawn is-sentejn li Adrian Delia ilu Kap, il-Partit Nazzjonalista ma baqax jingħaraf. Persuni fil-Partit jinstigaw deputati Nazzjonalisti u Ewroparlamentari Nazzjonalisti mill-istess partit, li qegħdin jiffaċċjaw theddid għax huma onesti”
Hekk iddikjarat l-eks President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista, Marion Pace Asciak, esponent mill-fazzjoni Busuttil, li f’artiklu li kitbet fuq it-Times of Malta rrakkontat dak li għaddew minnu nies mill-fazzjoni Busuttil f’dawn is-sentejn.
Pace Asciak, kitbet li f’Settembru elfejn u sbatax, meta Delia ġie elett Kap u wara tlettin sena taħdem b’mod volontarjat fil-Partit, ma kienx fadlilha triq oħra ħlief li tirriżenja minn President tal-Moviment tan-nisa u membru tal-eżekuttiv.
“Irriżenjajt wara li għaddejt minn ħolma kerha, fl-elezzjoni għal Kap bħala membru tal-Kummissjoni Elettorali. Għaldaqstant, peress li m’għadniex Kunsilliera, u s-Sibt mhux se nkun nista’ nivvota, nixtieq nesprimi l-opinjoni tiegħi permezz ta’ dan l-artiklu” kitbet Pace Asciak.
Pace Asciak hija esponent ewlieni fil-grupp Repubblika li talab kemm-il darba għar-riżenja ta’ Delia.
Qalet li hija dejjem żammet lura milli tikteb dwar il-Partit, biex ma tagħmilx ħsara, iżda sostniet li ngħatat raġun għad-deċiżjoni li ħadet.
Hija akkużat nies qrib Delia li bnew ħitan fil-Partit flok għaqqduh. Żiedet li l-Partit Nazzjonalista m’għadux jitmexxa bl-istess valuri li tmexxa taħt Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil.
Pace Aciak qalet li qatt ma kienet timmaġina li l-ġurnalisti se jsibuha diffiċli jagħmlu xogħlhom barra d-Dar Ċentrali, b’referenza ċara għall-mod kif ġew attakki mill-ħbieb ta’ Adrian Delia.
Qalet li ma kinitx timmaġina li se jkun hemm tant mibegħda u theddid fil-Partit.
Pace Asciak kitbet li fi żmien tlett snin, il-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jgħaddi minn elezzjoni ġenerali u trid li l-partit ikun partit fl-oppozizzjoni b’saħħtu.
Il-ħabiba ta’ Simon Busuttil saħqet li trid issir xi ħaġa issa. Qalet li l-Partit Nazzjonalista u Malta jridu Kap, b’abbiltà li jsib it-tajjeb f’kull persuna, li jgħaqqad u mhux li jitfa’ n-nies ‘il barra.
Sostniet li l-Partit u l-kap dejjem kienu jikkumplimentaw lil xulxin. Izda qalet li dan m’għadux l-każ.
Qalet li l-Kunsilliera huma imġiegħla jagħżlu bejn il-valuri tal-Partit u bejn il-Kap Nazzjonalista. L-għażla hija ċara għall-ġid tal-Partit u l-pajjiż – kitbet Mario Pace Asciak li bil-kitba tagħha ħeġġet sabiex is-Sibt, il-Kunsillieri jivvutaw LE għal Adrian Delia biex ma jibqax fit-tmun tal-partit.