Għaddej xogħol kbir fil-Park Nazzjonali ta’ Għar Dalam. Filfatt, Wied Dalam u l-madwar huma kkunsidrati bħala wieħed mill-aktar siti naturali ta’ importanza ekoloġika fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Għal diversi raġunijiet Heritage Malta ħadet l-inizjattiva biex tipprepara pjan għall-immaniġġjar ta’ Għar Dalam u siti oħrajn fil-madwar, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, bil-potenzjal li dawn l-inħawi jingħaqdu bħala park nazzjonali.
Dan il-park ikun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta, li jinkorpora storja, ambjent, natura, ekoloġija u wkoll siti ta’ importanza naturali, arkeoloġika, paleontoloġika kif ukoll storika.
Kelliem għall-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali qal li l-Gvern huwa impenjat bis-sħiħ biex jippriserva u jipproteġi l-wirt storiku u s-siti ta’ importanza kulturali madwar il-pajjiż. Imma mhux biss, għaliex qed jaħdem ukoll biex jagħti esperjenza aħjar lill-viżitatur, f’siti li jistħoqqilhom livell aħjar ta’ priservazzjoni u attenzjoni.
Kien madwar 4 snin ilu li Heritage Malta ħadet l-inizjattiva biex tipprepara pjan għall-immanġġjar ta’ Għar Dalam u siti oħrajn fil-madwar li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, bil-potenzjal li dawn l-inħawi jingħaqdu bħala park nazzjonali.
Dan il-pjan ġie ppreparat minn kumitat multidixxiplinarju fi ħdan l-Aġenzija bil-għan prinċipali jkun dak li jipprovdi esperjenza unika tal-aspetti varji naturali u kulturali lill-viżitaturi kollha. Dan il-pjan tfassal ukoll fil-kuntest tal-Policy tal-Gvern biex itejjeb l-infrastruttura ambjentali u kulturali fir-reġjun tan-Nofsinhar ta’ Malta.
Il-Park ta’ Għar Dalam jgħaqqad ma’ numru ta’ postijiet oħra fin-Nofsinhar u x-Xlokk ta’ Malta, bħall-Park tal-Inwadar bejn ix-Xgħajra u Wied il-Għajn, u l-Park ta’ Xrobb l-Għaġin f’Dellimara.
Għal dan il-għan saret ukoll ħafna riċerka oħra dwar l-aspetti kollha tal-inħawi, kif ukoll numru ta’ laqgħat ma’ stakeholders differenti biex b’hekk ikun hemm għarfien aħjar tal-karatteristiċi kollha tal-inħawi biex ikunu jistgħu jittieħdu l-passi kollha meħtieġa għall-priservazzjoni u l-preżentazzjoni tas-sit ta’ Għar Dalam u l-madwar.
Heritage Malta temmen bis-sħiħ li bit-twaqqif ta’ park nazzjonali f’din iż-żona hekk għanja b’assi naturali kif ukoll kulturali f’ambjent naturali hekk impressjonanti, inkunu qegħdin inħarsu l-wirt nazzjonali biex ikun jista’ jitgawda mill-pubbliku b’mod sostenibbli.
Ta’ min isemmi wkoll li dan ilpjan seta’ jseħħ biss bil-kollaborazzjoni diretta tal-Ministeru għall-Ambjent u l-entitajiet varji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru. Barra minn hekk, il-kontribut dirett tal-Ministeru għall-Ambjent se jerġa’ jkun kruċjali biex jiġu amministrati l-aspetti naturali fil-park imsemmi, filwaqt li Heritage Malta tkun responsabbli mill-aspetti oħra tal-wirt kulturali.
Aspetti Naturali
Wied Dalam u l-madwar huma kkunsidrati bħala wieħed mill-aktar siti naturali ta’ importanza ekoloġika fin-Nofsinhar ta’ Malta, iddominat b’sistemi ta’ widien bħal Wied Żembaq u Wied Dalam. L-aktar ambjent naturali dominanti huwa x-xagħri, blat mikxuf b’ħofor mimlijin ħamrija li fil-passat kienu mgħottija bil-ħamrija, bissiġar u bl-arbuxelli. Wara l-abbandun tal-agrikoltura, il-ħamrija nġarret bix-xita u llum insibu ambjent naturali li għalkemm jixbah lil dak ta’ lokalitajiet oħra bħal Ħad-Dingli u Pembroke, dan huwa ferm fqir fil-kwantità u diversità ta’ pjanti.
F’dawn l-inħawi nsibu numru ta’ siġar kemm indiġeni, bħall-ħarrub, u kif ukoll aljeni, bħall-Ewkaliptus li tħawlu matul is-snin. Insibu wkoll masġar antik ta’ siġar tal-lanġas selvaġġ. Fil-ġnien t’Għar Dalam, b’kollaborazzjoni mal-ERA, qegħdin jitneħħew pjanti eżotiċi li tħawlu fil-passat u minflok qegħdin jitħawlu pjanti indiġeni bħar-riħan, il-ballut u ż-żebbuġ. Biċċa xogħol oħra li qiegħda ssir bħalissa hija l-identifikazzjoni tal-flora u l-fawna tal-park. Dan qiegħed ikun ikkordinat mis-sezzjoni tal-Istorja Naturali fi ħdan Heritage Malta, bl-għajnuna ta’ studenti tal-MCAST.
Il-widien u x-xagħri jattiraw numru ta’ speċi differenti ta’ ħlejjaq – insetti, rettili, għasafar u mammiferi. Filwaqt li fi żmien il-passa wieħed jista’ josserva numru ta’ għasafar differenti. Il-widien jipprovdu ambjent fejn numru ta’ speċi t’għasafar bħall-bufula tal-għollieq u l-bilbla, ibejtu, filwaqt li fil-ħarifa wieħed jista’ jiltaqa’ wkoll mal-għasfur nazzjonali, il-merill. Fix-xhur xitwin il-widien u l-ġonna jimtlew bl-għana tal-pitirross.
Il-ballottra, il-qanfud u mill-anqas ħames speċi ta’ friefet il-lejl ukoll jinstabu f’dawn l-inħawi. Iżda l-aktar annimal importanti huwa speċi ta’ ħanżir l-art li l-isem xjentifiku tiegħu hu Armadillidium ghardalamensis. Kif jindika ismu, dan huwa speċi endemika li l-ewwel ma nstabet kien f’Għar Dalam, fejn għal ħafna snin kien maħsub li kien tgħix hemm biss. Madanakollu, fi żmien aktar riċenti nstabet popolazzjoni żgħira wkoll f’Għar il-Friefet, li jinstab ftit metri ’l isfel minn Għar Dalam. Minħabba li din hija speċi endemika u minħabba r-rarità tagħha, Għar Dalam illum igawdi minn protezzjoni speċjali bħala sit ta’ Natura 2000.
Aspetti Legali
L-inħawi ta’ Għar Dalam, jinkludu numru ta’ siti ta’ importanza naturali, arkeoloġika, paleontoloġika kif ukoll storika li diġà jgawdu minn protezzjoni permezz tad-Develepoment Planning Act (Cap 552) kif ukoll dak tal-Ħarsien Naturali (Environment Protection Act (Cap 549). Iż-żona kollha ta’ Wied Dalam hija wkoll imħarsa bħala Żona ta’ Importanza Arkeoloġika, protezzjoni li testendi ’l barra mill-Bajja ta’ San Ġorġ.
Il-Fortizza ta’ Borg in-Nadur hija skedata bħala Klassi A, Sit ta’ Importanza Arkeoloġika b’buffer ta’ 100 metru madwarha. Għar Dalam huwa sit skedat bħala Klassi A – Sit ta’ Importanza Arkeoloġika, kif ukoll Special Area of Conservation u sit Natura 2000.
Sfond storiku ta’ Għar Dalam
L-istorja ta’ Għar Dalam hija l-istorja ta’ Malta. Storja li taf il-bidu tagħha aktar minn miljun sena ilu, meta dawn il-gżejjer kienu ferm akbar, u tul iż-żminijiet kienu jingħaqdu ma’ Sqallija. Żminijiet fejn l-ilmijiet qawwija ta’ Żmien is-Silġ, ħaffru numru ta’ widien u għerien. F’uħud minn dawn l-għerien instabu fdalijiet ta’ ħlejjaq li llum ma għadhomx jeżistu, ħlejjaq li għexu fi żminijiet imbiegħda, ferm qabel il-wasla tal-bniedem fuq dawn il-gżejjer. Għadam t’iljunfanti, ippopotami, ċriev u ħafna aktar. Fdalijiet li jindikaw kemm Malta ta’ dak iż-żmien kienet fertili u abbundanti fil-kwantità ta’ speċi li kienu jgħammru fuqha.
Dan kollu nbidel madwar 7,500 sena ilu meta nies minn Sqallija għabbew il-bċejjeċ tal-baħar tagħhom u rħewlha għal fuq il-baħar, vjaġġ lejn in-Nofsinhar, lejn art li xi drabi, waqt ġurnata ċara kienet tidher ’il bogħod fuq ix-xefaq. Hekk kif missew l-art il-prijorità tagħhom kienet fejn sejrin imiddu rashom u l-għerien kienu l-ewwel postijiet ta’ abitazzjoni. Waqt li xi wħud stabbilixxew ruħhom f’għerien f’Għawdex, bħal Għar Ilma fil-limiti ta’ San Lawrenz, oħrajn waslu f’għerien fid-daħla ta’ bajja fix-Xlokk ta’ Malta; Għar Dalam u Għar il-Friefet.
Il-preżenza kontinwa tal-bniedem f’dawn l-inħawi hija evidenti minn numru ta’ strutturi li jwasslu sal-lum. Fid-daħla tal-Bajja s-Sabiħa, magħrufa aħjar bħala Pretty Bay, instabu fdalijiet li jmorru lura lejn iż-Żmien Neolitiku, fortizza ta’ Żmien il-Bronż (Borġ in-Nadur) kif ukoll ħofor imnaqqxa ġol-blat fejn kien jinħażen l-ikel. Instabu wkoll oqbra Puniċi u Villa Rumana (Ta’ Kaċċatura). F’dawn l-inħawi nsibu wkoll torri tas-Seklu 19, u pill box tat-Tieni Gwerra Dinjija. Fost strutturi oħra li nsibu f’Wied Dalam hemm Casa Ippolito, dar li nbniet fl-1664, u kumpless industrijali kbir għall-ħażna tal-fuel, li tħaffer fil-blat fi Żmien l-Ingliżi.