Tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja tal-Familja Mqaddsa fil-Bidnija, xogħol li sar b’investiment ta’ madwar €85,000 b’kofinanzjament minn fondi Ewropej.
Dan il-proġett ġie inawgurat il-Ħadd filgħodu mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, Aaron Farrugia u mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Kien preżenti wkoll is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta s-Sur Michael Pace Ross.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li x-xogħol ta’ restawr sar fuq il-faċċata u l-ġnub tal-knisja, il-fontispizju, il-kampnar u z-zuntier. Ix-xogħol sar fuq medda ta’ sitt xhur.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia spjega li r-restawr tal-knisja tal-Bidnija huwa parti minn proġett ikbar ta’ konservazzjoni tal-wirt taghna li biħ qed insaħħu wkoll l-komunitajiet, kif ukoll parti minn viżjoni fit-tul tal-Gvern biex intejjbu l-ħajja tan-nies fl-irħula u l-villaġġi tagħhom.
Farrugia qal li permezz ta’ progetti bhal dawn qegħdin inrawmu sens ta’ rispett lejn il-wirt kulturali tagħna, bl-għan li l-poplu Malti u Għawdxi ikun kburi bil-wirt storiku u reliġjuż li jagħmel parti fundamentali mill-identita’ tiegħu.
“Dan kollu huwa possibbli minħabba ekonomija b’saħħitha, u bl-għajnuna ukoll tal-fondi Ewropej. L-Ewropa qiegħda tappoġġja proġetti bħal dawn għaliex il-wirt storiku tagħna huwa parti mhux biss tal-identità ta’ pajjiżna izda ukoll tal-identità Ewropea u jistħolqu li jiġi ppreservat u mħares,” qal is-Segretarju Parlamentari.