Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li wara l-vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu waqt il-Kunsill Ġenerali straordinarju ta’ bħal-lum ġimgħa, dawk li qed joħolqu l-ħsara mhux posthom fil-Partit Nazzjonalista.
Fi sfida ċara u diretta lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fuq ir-radju Nazzjonalista, Delia saħaq li dak li sejjaħ bħala tfixkil fil-Partit Nazzjonalista, sar b’intenzjoni.
“Wara min jagħmel il-ħsara mhux postu fil-PN … Kien hemm min prova jfixkel b’intenzjoni.”
Huwa xejjen il-petizzjoni li saret mill-fazzjoni ta’ Busuttil, billi qal li warajh għandu t-tesserati, li fi kliemu qegħdin jiddefendu l-għażla tagħhom.
“Saret petizzjoni ta’ mija, mija u ħamsin – ma ġara xejn. Saret petizzjoni oħra b’eluf ta’ tesserati. Jgħidulek dik kienet għażla tagħna u qed niddefenduha.”
U fi tmiem ta’ ġimgħa oħra kkaraterizzata minn diżgwid, laqgħat jaħarqu, għajjat u tisbit li seta’ jinstema’ minn barra d-Dar Ċentrali, għal Delia din hija differenza fl-opinjoni, li fi kliemu hija s-sabiħ tal-Partit Nazzjonalista.
“Ma nistaw qatt naqblu fuq kollox – dak hu s-sabiħ tal-PN.”
Bil-futur politiku tiegħu mdendel fil-vot ta’ nhar is-Sibt li ġej, Delia fisser kif il-kunsilliera għandhom għażla sempliċi: jew lilu u l-fazzjoni tiegħu, jew ritorn għat-tmexxija mill-establishment.
“Nirrevertu li kap jintażel mill-ftit, jew li jażluh il-ħafna? L-obbligu tagħna mhux li nirritornaw lejn il’ ftit imma nwessaw lejn il-ħafna”
F’dikjarazzjoni oħra intiża lejn Jason Azzopardi, li din il-ġimgħa akkużah li qabbad nies sabiex joħolqu profili foloz fuq Facebook, Delia qal li dan għandu jieqaf u jikkontribwixxi.
“Minflok ngħajjar mill-kompujter, nibgħat il-proposti … Mhux taghti impressjoni li int magħqud imbagħad tmur ixxerred il-firda!”
Il-Kap Nazzjonalista attakka dirett lill-fergħat, fosthom lill-MŻPN li tridu jwarrab mit-tmexxija. Implika li dawn bħalissa m’humiex qed jagħmlu xogħolhom kif suppost.
“Il-fergħat tal-Partit qed jagħmlu xogħlhom?”
U hekk kif it-tmexxija Nazzjonalista qed tkompli bil-pjan li tbiegħ il-każini, Delia fisser li dan huwa parti minn strateġija biex il-partit jimassimizza d-dħul.
“Kienu qed irendulna ritorn il-50 każin?”
Dan minkejja li fil-kampanja għat-tmexxija, Delia għal darba darbtejn wegħed li mhux se jinbiegħu iżjed każini.