Sejba ta’ fdalijiet ta’ katavru li huma mifhuma li huma ta’ tfajla li għebet 11-il sena ilu aktarx wasslu biex solvew omiċidju hekk kif il-pulizija qed iżomm raġel biex jgħinnha fl-investigazzjonijiet.
Il-fdalijiet tal-katavru hu mifhum li hu ta’ Charlene Farrugia mill-Qawra, li meta ġiet rapurtata nieqsa kellha 25 sena.
Sorsi qrib il-pulizija sostnew li se jkunu l-eżamijiet foresniċi li jikkonfermaw l-identità tal-fdalijiet li nstabu.
ONE News hu nfurmat li l-biċċiet tal-kadavru fosthom partijiet tar-ras u s-sieq instabu ġo boroż ġo għar fil-Belt Valletta, b’biċċiet minnhom kienu għadhom intatti.
ONE News jista’ jiżvela wkoll li r-raġel arrestat b’rabta ma’ dan l-qtil huwa l-istess raġel li nhar it-Tnejn deher f’filmati ħiereġ immanentjat wara li nqabad fil-fatt jiprova jisraq b’sikkina minn ħanut fil-Gżira.
L-istess sorsi qalu li wara dan il-każ, ir-raġel ittieħed l-Isptar Monte Karmeli, fejn minn hemmhekk huwa qal li ried jitkellem dwar l-omiċidju ta’ Farrugia.
Hu mifhum li mal-Pulizija r-raġel ammetta l-involviment tiegħu f’dan l-omiċidju fejn saħansitra gwida lill-Pulizija fil-post fejn allegatament ħeba l-kadavru.
Madankollu kienu l-investigazzjonijiet intensivi fl-aħħar jiem li wasslu lill-Pulizija sabiex tkun f’pożizzjoni li torbot dan il-każ mal-involviment tar-raġel.
Intant, fi stqarrija l-Pulizija kkonfermat l-arrest ta’ persuna li ONE News qed jiżvela li huwa l-istess raġel li deher jinfexx f’tgħajjir hu u ħiereġ arrestat mill-ħanut fil-Gżira, nhar it-Tnejn li għadda.
B’rabta ma’ dan il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali mmexxija minn Dr. Audrey Demicoli, filwaqt lill-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur James Grech mill-iskwadra tal-omiċdji flimkien mall-Ispettur Jonathan Ransley mid-distrett ta’ Tas-Sliema.
Hu mistenni li fis-sigħat li ġejjin ir-raġel jitressaq il-Qorti mixli bil-qtil imsemmi.
http://www.one.com.mt/2019/07/20/sejba-ta-kadavru-jsolvi-omicidju-ta-11-il-sena-ilu/