Il-qafas finanzjarju Ewropew għall-perjodu 2012-2027 kien il-qofol tad-diskussjoni bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Klaus-Heiner Lehne.
Il-Prim Ministru qal li l-Kummissjoni Ewropea qed tifhem lil Malta. “Malta hija pragmatika. Filwaqt li jippreferi jkun b’saħħtu, minflok dgħajjef u dipendenti fuq kontribuzzjonijiet, pajjiżna jemmen li hemm bżonn flessibilità u aċċessibilità fis-sistema tal-fondi Ewropej. Aħna pożittivi li tista’ tinstab soluzzjoni politika,” sostna Dr Muscat.
Fakkar li l-figuri kollha jikkonfermaw kif pajjiżna jassorbi l-fondi Ewropej b’mod tajjeb ħafna u esprima l-fiduċja tiegħu li dan is-suċċess ikompli għaliex is-sistema Maltija hija solida.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza tal-industrija tal-manifattura fl-Ewropa. Dr Muscat qal li dan jista’ jkun iż-żmien ideali fejn jingħataw l-inċentivi meħtieġa. F’dan il-qasam hemm potenzjal qawwi u għalhekk l-Ewropa trid taddatta r-regoli tagħha b’mod li tieħu in konsiderazzjoni x-xejriet li juru kif kumpaniji tal-manifattura qed jerġgħu jibdew jersqu lejn Ewropa.
Tema oħra diskussa kienet il-perspettiva kollaborattiva li jadotta l-gvern Malti quddiem rapporti tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur. Dr Muscat qal li dan il-gvern introduċa sistema fejn jagħti tweġiba formali u dettaljata għal kull rapport annwali tal-NAO. Xi wħud ħasbu li din il-proċedura tista’ toħloq tensjoni, imma minflok waslet għal kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Klaus-Heiner Lehne awgura lil Malta għall-istorja ta’ suċċess li għaddejja minnha.
Lehne rringrazzja lil gvern Malti talli nnomina lil Leo Brincat li, fi kliem il-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna fil-qalba ta’ relevanza politika f’temi bħall-affarijiet barranin, l-iżvilupp u l-migrazzjoni.
Il-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri temm jgħid li jinsab iffukat biex isaħħaħ l-għarfien tal-pubbliku fuq ix-xogħol li twettaq din l-istituzzjoni li llum hija ffukata inqas fuq awditjar klassiku finanzjarju u iktar fuq awditjar ta’ riżultati miksuba.