Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva l- Anthony Agius Decelis, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment għall-Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Komunita’ Dr. Renzo De Gabriele, varaw proġett pilota ta’ servizz tal-flebotomija fil-komunita’.
Dan is-servizz huwa maħsub għal dawk il-persuni li għandhom iktar minn 60 sena, jew persuni b’dizabilita’, li ma jistgħux joħorgu mid-dar tagħhom minhabba raġunijiet ta’ saħħa jew mobilita’. Għall-ewwel fażi ta’ dan il-proġett pilota dan is-servizz se jkun miftuħ għall-klijenti li joqgħodu fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara u l-Mosta, żewġ lokalitajiet kbar ġewwa Malta.
Is-servizz jinvolvi li l-persuna li jkollha bżonn tieħu xi testijiet tad-demm, inkluż dawk relatati mat-teħid tal-mediċina tal-warfarina, u li ma jkunux jistgħu joħorġu mid-dar, iċemplu lill-CommCare fuq in-numru 22 589 393. Il-klijenti jittiħdulhom id-dettalji neċessarji ħalli professjonisti mħarrġa apposta jiġu d-dar sabiex jieħdu l-kampjun tad-demm. Dan il-kampjun jiġi trasportat il-laboratorju tal-Mater Dei minn nies tal-CommCare stess ġewwa coolers apposta sabiex jinħadem il-kampjun tad-demm. Ir-riżultati jkunu aċċessibbli fuq is-sistema elettronika tal-MyHealth, u fil-każ tal-klijenti li qegħdin fuq il-warfarina jirċievu ukoll ir-riżultat u d-doża tal-warfarina d-dar.
B’dan is-servizz qegħdin nolqtu faxxa tas-soċjeta’ li bħalissa qegħda tbati b’mod fiżiku u finanzjarju din is-sitwazzjoni li jinsabu fiha. Fix-xhur li ġejjin, permezz tal-istatistika u d-domanda li sejrin jiġu analiżżati bir-reqqa, id-dipartiment ikun jista’ jestendi s-servizz f’lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex.