Id-Dipartiment għall-Esplorazzjoni taż-Żejt ffirma kuntratt mal-kumpanija Edison International, sussidjara tal-kumpanija Edison Exploration and Production biex tagħmel studju tal-potenzjal għat-tiftix għaż-żejt fi tliet blokok li jinsab fiż-żona tlieta fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
Il-ftehim għal dan l-istudju huwa għal sena li jista’ jiġi estiż għal sentejn. Il-medda ta’ art fil-baħar li se tkun studjata hija kbira sitt elef u erba’ mitt kilometru kwardu.
Skont il-ftehim, il-kumpanija għandha l-obbligazzjoni li tagħmel studju ġeoloġiku u ġeofiżiku fuq informazzjoni li diġà għandu l-Gvern dwar din iż-żona.
Il-kumpanija Edison għandha portafoll ta’ madwar disgħin liċenzja f’għaxar pajjiżi fiż-żona tal-Mediterran u fin-Nofsinhar tal-Ewropa bi produzzjoni medja ta’ erbgħin elf barmil żejt kuljum.