Il-Parlament approva b’mod unanimu l-proġett tar-riġenerazzjoni tal-korsa taż-żwiemel fil-Marsa. Permezz ta’ dan il-proġett il-korsa se tgħaddi f’idejn il-privat b’konċessjoni għal 65 sena.
Minn dan il-ftehim, il-Gvern se jdaħħal miljun ewro fis-sena.
Is-Segretarju Parlamentari għall-isport Clifton Grima spjega kif bħala parti minn dan l-investiment il-konsorzju privat se jkun marbut jagħmel investiment ta’ 28 miljun ewro fl-infrastruttura sportiva fil-Marsa.
“Illum, għandna l-korsa taż-żwiemel li hi fi stat dilapidat u ħa tiġi riġenerata. Ħa jkollok area sħiħa b’investiment fl-aspett sportiv biss ta’ €28 miljun li permezz tiegħu d-dilettanti tat-tiġrijiet taż-żwiemel ħa jkunu qed jibbenefikaw.”
Il-korsa se tkun kapaċi tilqa’ mat-3,400 persuna, filwaqt li se jinbnew ukoll spazji miftuħa kif ukoll park għall-familji.
Barra minn dan, se tinbena faċilità kontra d-doping kif ukoll spazju għal 1,200 karozza.
Dr Grima fisser ukoll kif wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ numru ta’ stakeholders, ġew assigurati numru ta’ benefiċċji għal ġerrejja, fosthom li jiżdiedu l-premijiet tat-tiġrijiet b’10%, li jkomplu jiżdiedu bi tlieta fil-mija kull sena.
Din iż-żieda se tiġi ssalvagwardjata billi l-prezz sabiex wieħed jirkeb iż-żiemel se jibqa’ l-istess.
Is-Segretarju Parlamentari spjega wkoll li minbarra r-riġenerazzjoni tal-korsa, il-korsa innifisha se tikber hekk kif intlaħaq ftehim mal-klabb tal-Polo.
“Wasalna fi ftehim mal-Malta Polo Club għall-modalità tal-użu tal-faċilitajiet sportivi li diġa qegħdin jużaw. Ħa jkun hemm upgrade tal-faċilitajiet kollha sportivi. Il-korsa qed qiegħda tikber. Se jsir investiment qawwi ħafna f’dak li għandu x’jaqsam anke bħala l-wiċċ tal-korsa. Fejn bħalissa jintlagħab il-polo aħna qegħdin naraw li jinżera t-terf.”
Il-konsorzju se jkun marbut li jwettaq il-proġett komplut f’erba’ snin, bl-ewwel fażi, dik tal-faċilitajiet sportivi li trid titlesta fi żmien 18-il xahar.
Wara konsultazzjoni ma’ diversi għaqdiet tal-annimali u l-konsorzju, il-proġett mhux se jinkludi faċilità għat-tiġrijiet tal-klieb.
“Kien hemm qbil li tiġrijiet tal-klieb ma jidħlux fil-proġett, ħassejna bħala gvern li nimxu mar-rieda tal-partijiet kollha involuti.”
Dr Grima spjega li permezz ta’ din ir-riġenerazzjoni qed ikompli jissaħħaħ l-impenn tal-gvern fil-qasam sportiv filwaqt li jimmassimizza r-ritorn fuq l-art.
“Naħseb li dan huwa xhieda ta’ kemm il-gvern aħna rajna li nsaħħu s-settur sportiv ġewwa pajjiżna u fl-istess waqt il-poplu jkun qed jieħu ritorn li tista ssejjaħlu ġust.”