Inawgurata fabbrika li f’temp ta’ ħames snin żiedet il-ħaddiema bi 12-il darba iżjed – One News

Notifiki

Inawgurata fabbrika li f’temp ta’ ħames snin żiedet il-ħaddiema bi 12-il darba iżjed

Inawgurata l-fabbrika l-ġdida tal-kumpanija Finestral li timmanifattura aperturi tal-PVC.

B’investiment ta’ miljun u nofs ewro, il-Malta Industrial Parks allokat post fil-qasam industrijali ta’ San Ġwann biex saret il-fabbrika bi spazju ta’ elf u ħames mitt metru kwadru.

Inawgura din il-fabbrika l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Chris Cardona.

Dr. Cardona faħħar l-iżvilupp li għamlet din il-kumpanija li ħames snin ilu bdiet topera bi tliet ħaddiema u llum tagħti l-għajxien lil xejn inqas minn sitta u tletin ħaddiem.

Spjega kif il-manifattura hija t-tieni qasam li tħaddem l-aktar nies, ħdax fil-mija tal-ħaddiema huma involuti fl-industrija tal-manifattura.

“Jeħtieġ insaħħu dan b’kampanji edukattivi bħal ‘Make It’ li torjenta iżjed żgħażagħ biex tħajjarhom jitfgħu għonqhom għax-xogħol fil-manifattura”, saħaq il-Ministru Cardona.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Finestral Kenneth Azzopardi saħaq li l-kumpanija kienet kapaċi tinvesti għax żdiedet id-domanda għax-xogħol.

“Illum il-kumpanija tagħna timmanifattura xogħol ta’ kwalità anki billi tħaddem miżuri favur l-ambjent”, saħaq is-Sur Azzopardi.

Spjega kif il-fabbrika topera b’enerġija rinovabbli permezz ta’ panelli fotovoltajiċi u tirriċikla l-iskart li toħloq il-manifattura.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *