Il-fazzjoni Busuttil ikollha ċċedi għax Delia beda jsabbat – One News

Notifiki

Il-fazzjoni Busuttil ikollha ċċedi għax Delia beda jsabbat


Għajjat u tisbit iddominaw l-aħħar laqgħa tal-ezekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li damet aktar minn ħames sigħat u nofs.

Laqgħa li bdiet fis-sitta u nofs tat-Tlieta filgħaxija, bil-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia nstema’ jgħajjat kemm jiflaħ.

Iż-żewġ fazzjonijiet, il-fazzjoni Delia u l-fazzjoni Busuttil, pruvaw jaqblu u jsibu kompromess fuq il-mistoqsija li qed jintalbu jwieġbu l-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju li se jitlaqqa’ fl-aħħar Sibt tax-xahar.

Sorsi fil-laqgħa tal-eżekuttiv żvelaw ma’ ONE NEWS li fil-laqgħa Delia qabad jgħajjat u jsabbat u qal: “jekk ħa ngħajjat il-Kunsill Ġenerali jien, JIEN nissettja d-domanda u jien ngħid min għandu jitkecca”.

B’reazzjoni, il-President tal-Eżekuttiv il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione għamilha ċara li huwa lest li jirriżenja jekk l-Eżekuttiv ma jimxix mal-istatut, jiġifieri li l-Kunsill Ġenerali jiddibatti u jivvota fuq il-petizzjonijiet kollha, inkluż dik li ressqet il-fazzjoni Busuttil li sejħet għall-vot ta’ fiduċja fil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u biex jirriżenja.

Iżda wara dan kollu l-fazzjoni Busuttil , daharha mal-ħajt kellha ċċedi, u toqgħod għal dak li ddeċieda Delia.

L-għan tal-fazzjoni Busuttil hu li l-kunsilliera nazzjonalisti jivvutaw dwar il-futur ta’ Delia – meqjus bħala persuna mhux denju li jmexxi l-Partit u li wassal lill-Partit Nazzjonalista għall-ikbar żewġ telfiet elettorali fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali.

Wara laqgħa oħra mqanqla li ntemmet f’nofs illejl, ħareġ Adrian Delia u qal li l-mistoqsija li se jivvutaw dwahra l-kunsilliera nazzjonalisti hija dik li propona hu.

Iżda l-fazzjoni Busuttil  riedet li l-mistoqsija tkun ibbażata fuq vot iva biex Adrian Delia jerfa’ r-responsabbilità politika għall-qagħda mwiegħra li jinsab fiha l-partit Nazzjonalista u jirriżenja.

Viżibilment skomdu Delia, ma riedx jgħid jekk jirriżenjax jekk il-kunsilliera nazzjonalisti jivvutaw kontrih fil-kunsill ġenerali.

F’nofs il-laqgħa tal-eżekuttiv, x’ħin beda jinstema’ l-għajat u l-istorbju, ħareġ mil-laqgħa u telaq il barra d-deputat tal-fazzjoni Busuttil, Karol Aquilina. Bl-iskuża tkun li għandu impenn ieħor.

Il-ġurnalisti preżenti saqsew lil Adrian Delia dwar l-għajjat u t-tisbit li beda jinstemgħa mil-laqgħa tal-ezekuttiv. Iżda  Delia prova jirredikola dan u qal li dak sinjal tajjeb.

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend