Tfal Maltin jitħallew l-art fid-Danimarka… l-Air Malta s-salvazzjoni – One News

Notifiki

Tfal Maltin jitħallew l-art fid-Danimarka… l-Air Malta s-salvazzjoni

150 passiġġier, ħafna minnhom tfal Maltin tħallew b’ta’ fuqhom senduqhom f’ajruport fid-Danimarka.

Il-maġġoranza ta’ dan il-grupp kienu tfal mill-klabb tal-futbol tas-Sirens u l-Pro Touch Academy u l-grupp kellu jiġi lura mill-belt ta’ Aalborg f’titjira privata.

Il-klabb rifes l-art tad-Danimarka madwar ġimgħa ilu b’titjira privata iżda għal xi raġuni biex jiġu lura f’pajjiżna, dawk responsabbli mit-titjira privata m’onorawx l-obbligazzjoni tagħhom.

Ix-xorti ma tantx daħqitilhom għaliex anki fl-ewwel titjira lejn id-Danimarka l-kontinġent Malti ħabbat wiċċu ma’ dewmien fit-titjira u minflok telqu fl-10 ta’ filgħodu, telqu fis-7 ta’ filgħaxija u minħabba f’hekk tilfu ċ-ċerimonja tal-ftuħ.

Il-kumpanija privata li suppost tat dan is-servizz lejn u mid-Danimarka hi Flight Support Services u għamlet l-ewwel titjira permezz tal-operatur VML. Il-kumpanija, li hi ta Joffrey Mallia, ħassret it-titjira lejn Malta mingħajr m’offriet alternattiva għal dan in-nuqqas.

Meta l-awtoritajiet Maltin saru jafu b’dan, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ta direzzjoni biex l-linja tal-ajru nazzjonali ta’ pajjiżna, l-Air Malta topera titjira biex iġġib lura l-grupp ta’ nies mid-Danimarka. Il-kontinġent Malti għandu jasal fis-sigħat bikrin t’għada filgħodu.

L-Air Malta sostniet li hija tibqa’ impenjata biex tgħin lil dan il-grupp, minkejja li tinsab fl-eqqel tas-sajf fejn l-operazzjonijiet tal-kumpanija jkunu bil-gzuz.

Hu mifhum li l-impjegat tal-Air Malta Joffrey Mallia jinsab sospiż u l-kumpanija ma tafx jekk hux se tonora kuntratti oħra li għandha mal-klabbs tal-Pietà u l-Ħamrun.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend