Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika juru li matul Mejju li għadda komplew jiżdiedu t-turisti li żaru l-gżejjer Maltin.
L-NSO qal li matul Mejju li għadda żaru li Malta kważi mitejn u sitta u sittin elf turist (265,701), jiġifieri 1.3 fil-mija aktar meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Joħroġ ukoll li aktar minn 233 elf turisti żaru lil Malta għall-btala waqt li aktar minn 18-il elf oħra żaru Malta għal skop ta’ negozju. Kważi tlieta u erbgħin fil-mija tat-turisti li żaru lil Malta kellhom bejn 25 sena u 44 sena.
Żied jingħad li matul Mejju, it-turisti qatgħu f’Malta aktar minn miljun u sitt mitt elf lejl, tnaqqis ta’ tlieta punt sitta meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra u fil-biċċa l-kbira tagħhom raqdu f’lukandi.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li matul Mejju, it-turisti nefqu aktar minn mitejn u tliet miljun ewro, li kienet tfisser żieda ta’ 3.3 fil-mija meta mqabbel mal-2018.
Joħroġ ukoll li fl-ewwel ħames xhur tas-sena, żaru Malta kważi 930 elf turist, żieda ta’ 2.8 fil-mija meta mqabbel mal-istess xhur is-sena l-oħra. Bejniethom qattgħu f’Malta aktar minn ħames miljun u disa’ mitt elf lejl.
Fl-ewwel ħames xhur tas-sena, it-turisti nefqu aktar minn sitt mija u tmienja u erbgħin miljun ewro, żieda ta’ 3.2 fil-mija meta mqabbel mal-2018. Ras għal ras, it-turisti nefqu kważi seba’ mitt ewro, żieda ta’ 0.4 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.