Fi ftit iktar minn ħames xhur minn meta l-Gvern daħħal il-benefiċċju tal-kera huma 1,000 persuna li diġà bdew igawdu minnu. F’intervista mal-gazzetta KULLĦADD is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay tkellmu dwar dan il-progress.
Il-benefiċċju tal-kera huwa miżura tal-baġit għal din is-sena li bidlet il-mod kif l-Awtorità tad-Djar tassisti lill-persuni fil-kera u li jkunu jeħtieġu appoġġ finanzjarju biex ilaħħqu aħjar mal-ħajja wara li jkunu ddedikaw parti minn dak li jdaħħlu għall-ħlas tal-kera.
Fis-snin li għaddew diġà kien hemm żidiet fis-sussidji tal-kera, iżda l-Gvern ra li fiċ-ċirkostanzi tal-lum il-mod tradizzjonali ta’ kif jaħdem is-sussidju ma kienx għadu effettiv biżżejjed. Għalhekk iddaħħal dan il-benefiċċju. Għall-ewwel darba l-Awtorità tad-Djar qed tikkunsidra mhux biss id-dħul tal-applikant iżda anke n-nefqa fuq il-kera meta taħdem l-għajnuna.
Il-ħsieb hu li wara li wieħed iħallas il-kera jkun għad fadallu fil-but parti sostanzjali mid-dħul tiegħu. Dan wassal biex kien hemm 549 persuna li telqu mis-sistema tas-sussidju tradizzjonali u applikaw u bbenefikaw minn dan il-benefiċċju. Iktar minn hekk hemm 453 persuna li qed igawdu għall-ewwel darba minn għajnuna fuq il-kirja li qed iħallsu. Dan għax il-benefiċċju huwa maħsub biex jgħin iktar nies.
B’hekk mill-1 ta’ Frar diġà huma 1,002 li qegħdin fuq din is-sistema. F’opinjoni dwar ir-riforma tal-kera li qed nippubblikaw f’paġna 18, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal: “Però ta’ min jirrimarka li d-deċiżjoni li ma daħħalniex kontroll fuq il-prezzijiet ma jfissirx li ma indirizzajniex l-isfida tal-affordabilità. Anzi, dan kien aspett li indirizzajna saħansitra qabel din ir-riforma billi daħħalna benefiċċju ġdid u b’saħħtu għal familji bi dħul baxx li jikru mill-privat. Dan il-mekkaniżmu jassigura li ħadd ma jħallas iktar milli jiflaħ. Il-fatt li 1,000 familja diġà qed tibbenefika minnu hu sinjal ta’ kemm dan il-benefiċċju qed iħalli l-frott, meta tikkunsidra li ġie mniedi f’Jannar li għadda.” Taħt is-sussidju tal-kera kif kien, l-Awtorità tad-Djar kienet tirċievi medja ta’ 41 applikazzjoni fix-xahar u llum qed tirċievi 144 applikazzjoni fix-xahar. Jirriżulta li l-maġġoranza tal-applikanti suċċess huma nies li jgħixu waħedhom jew huma familji b’ġenitur wieħed fid-dar fejn qed jitrabbew l-ulied.
Filwaqt li minn tagħrif uffiċjali li ksibna dawn il-familji qed ikollhom bejn 50% u 60% tal-ispiża tagħhom koperata b’dan il-benefiċċju. Mitlub jikkummenta, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay qal li r-riforma tal-kera toffri stabbiltà, aktar sigurtà u aktar trasparenza fir-relazzjoni bejn is-sidien tal-proprjetà u l-familji fil-kera. Min-naħa l-oħra il-benefiċċju tal-kera qiegħed jagħmel minn dan is-suq, suq aktar affordabbli. “Qiegħed iħalli biżżejjed flus fil-but tal-familji li qegħdin jibbenefikaw minnu wara li jħallsu l-kera. Għalhekk, permezz tar-riforma tal-kera u tal-benefiċċju tal-kera qegħdin nagħmlu mis-suq tal-kera, suq li joffri alternattiva adegwata ta’ akkomodazzjoni,” qal Leonid McKay. Bil-bidla mis-sussidju għall-benefiċċju persuna waħedha li qabel setgħet tibbenefika minn massimu ta’ €1,600 fis-sena, illum tista’ tieħu sa massimu ta’ €3,600. Żewġ adulti mingħajr tfal li qabel setgħu jieħdu sa massimu ta’ €1,900 fis-sena, illum jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ €3,600. Koppja b’żewġ ulied jew aktar qabel setgħet tibbenefika minn massimu ta’ €2,000 fis-sena, filwaqt li llum tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €5,000 fis-sena.
Leonid McKay tenna li permezz ta’ dan il-benefiċċju l-pajjiż qed ikun iktar sensittiv għall-bżonnijiet tan-nies u relevanti fis-soċjetà tal-lum. “Dan hekk kif qegħdin nirrikonoxxu, li persuna m’għandhiex tonfoq aktar milli tiflaħ fuq ilkera u għalhekk għamilna bidla radikali fil-mod ta’ kif qegħdin nagħtu dan il-benefiċċju, għaliex mhux biss qegħdin nikkunsidraw id-dħul tagħhom iżda anke l-prezzijiet reali tal-kera biex nassiguraw li jibqgħalhom biżżejjed flus fil-but għal affarijiet bażiċi oħra.
Għalhekk, nemmen li permezz tiegħu qegħdin noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lil aktar individwi u familji li qegħdin jgħixu fil-kera,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar.